Il-Partit Laburista ħejja ruħu għal tmiem il-ġimgħa t’aktar tiġdid li se jara l-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ġdid, u l-indirizz tal-ewwel President mara tal-Partit Laburista. Dan hekk kif il-Partit Laburista se jkollu l-Konferenza Ġenerali Straordinarja fit-teatru tar-Rialtò, f’Bormla.
Bħalissa f’Bormla għaddejjin l-aħħar u tħejjijiet għal din il-Konferenza Ġenerali tant mistennija.
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, il-Perit William Lewis, tkellem dwar il-programm li hemm imħejji għal nhar il-Ħadd li ġej.
“Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex is-sala tar-Rialto tinbidel f’Teatru u nhar il-Ħadd nagħlqu l-Konferenza Ġenerali Straordinarja li fetħet fit-2 ta’ Lulju. B’hekk jiġi maħtur id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Il-Ħadd ikun qed jagħti l-ewwel diskors tiegħu. Għandna kariga ġdida wkoll, dik ta’ President tal-Partit, Dr Ramona Attard, li wkoll se tagħmel l-ewwel diskors tagħha l-Ħadd.”
Il-qofol ta’ dan kollu jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.
Il-Perit William Lewis fakkar ukoll fid-dmir tad-delegati Laburisti, li s-Sibt li ġej se jkunu qed jivvutaw biex jikkonfermaw lil Daniel Micallef bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
“Importanti li għada d-delegati kollha jagħmlu dmirhom. Minkejja li m’hemmx kontesti, din hija konferma ta’ kandidat wieħed- il-Perit Daniel Micallef. Inħeġġeġ lil dawk kollha eliġibbli biex jagħtu l-vot ta’ fiduċja lil Daniel Micallef, li dejjem ġab l-interess tal-partit fuq quddiem u żgur li b’din il-kariga se jkompli jmexxi l-partit ‘il quddiem.”
L-istazzjon ONE se jkun qed ixandar programm speċjali waqt l-għadd tal-voti. Id-delegati Laburisti mitluba jmorru jivvotaw fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun bejn id-disgħa ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ waranofsinhar.