Deputati li sfiduċjaw lil Delia telqu ‘l barra minn laqgħa tal-grupp parlamentari bi protesta.
L-Erbgħa waranofsinhar il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Xħin bdiet il-laqgħa qamet Therese Comodini Cachia, f’isem id-deputati li sfiduċjaw lil Delia, u qalet lil Delia sabiex jiddiskutu l-vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Sorsi qalulna li Adrian Delia ma riedx, bid-deputati li sfiduċjawh telqu ‘l barra mil-laqgħa.
Sorsi fil-laqgħa tal-grupp parlamentari qalulna li Delia baqa’ jinsisti li għandu jiġi diskuss dak li ġara t-Tlieta filgħaxija lil Melvin Theuma.
Il-laqgħa tal-grupp parlamentari damet biss ftit minuti u ġurnalisti li kienu barra d-Dar Ċentrali baqgħu sorpriżi kif ċertu deputati ħarġu daqshekk malajr mil-laqgħa.
L-ewwel żewġ Deputati li telqu l’barra kienu Therese Comodini Cachia u Ryan Callus.
Mal-ġurnalisti Comodini Cachia fetħet attakk fuq il-Adrian Delia, wara li hi u sħabha sfiduċjawħ tliet darbiet f’ġimgħa.
“Stedinna lil Adrian Delia sabiex jiddiskuti x’inhuma l-passi li jmiss. Kien jidher ċar li mhux lest jiddiskuti imma jiddiskuti għada fl-eżekuttiv.” Qalet Comodini Cachia.
Therese Comodini Cachia qalet li trid tiddiskuti t-triq ‘il quddiem għal Partit Nazzjonalista, billi Delia ma jibqax Kap.
Hi stqarret, “Inkunu Oppożizzjoni kredibbli u soda.”