Grupp ta’ bdiewa Maltin għaddejin bi proġett esperimentali biex jaraw x’riżultati differenti wieħed ikollu b’għeneb tal-mejda differenti. Il-proġett ra t-tħawwil ta’ dwieli f’tomna art li fiha hemm diversi tipi ta’ għeneb, fosthom anke mingħajr żerriegħa. Il-bdiewa li qed jipparteċipaw fir-riċerka kollha jagħmlu parti mis-Soċjetà Vitimalta. Dawn esperimentaw ukoll bi strutturi differenti ta’ tħawwil ta’ dwieli, fosthom anke sistemi internazzjonali.
Dan kollu kien xprunat minn studju li għamlet din l-organizzazzjoni li wera li f’Malta hawn ħafna dwieli apposta għall-għeneb tal-inbid, iżda mhux għall-għeneb tal-mejda.
Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo fuq il-post kien spjegat li minn riċerka li saret s’issa fuq is-sit, juri li r-raba’ Maltin jipprovdu għeneb tal-ogħla kwalità mhux biss għall-inbejjed, iżda anke biex jittieklu waħedhom.
Il-Minstru Refalo nnota b’sodisfazzjon li parti kruċjali tar-riċerka hija l-mod kif il-bdiewa stess jistgħu jirreklamaw l-inbejjed li jipproduċu u li eventwalment jispiċċaw fuq l-imwejjed tal-ikel tagħna.
“Dejjem nagħmlu emfasi kbira li hemm bżonn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Naħseb dak li rajna llum juri kemm il-bidwi miexi ‘l quddiem u jħoss il-ħtieġa li jinbidel. Li għandek grupp ta’ bdiewa li mill-2004 s’issa issa qed jesperimentaw kif jagħmlu għenba għall-mejda juri kemm il-biedja f’Malta qed tikber.”
Ir-riċerka li qed tmexxi Vitimalta għandha sservi ta’ suq ikkontrollat għall-produzzjoni tal-għeneb, u tassigura wkoll suq u prezz raġonevoli għall-qasam agrikolu.