F’Settembru li ġej l-Iskola Primarja l-ġdida fil-Qawra se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għal ħames mitt student li se jkunu qed jieħdu t-tagħlim tagħhom f’ambjent sabiħ fuq medda ta’ 9,500 metru kwadru b’39 klassi, laboratorji għax-xjenza, sala u faċilitajiet sportivi fost oħrajn.
Il-klassijiet tal-iskola se jkunu kollha attrezzati bl-arja kundizzjonata.
Il-Kap eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada l-FTS, Dr Neville Young, spjega li x-xogħol wasal fi stat avvanzat ferm.
“Bħala xogħlijiet qiegħdin on track, qiegħdin f’fażi issa li nikkonkludu bħala finishing u anke biex nagħmlu l-landscaping. It-tender tal-landscaping ħareġ ukoll u l-kuntratt ġie ffirmat. Qegħdin on very good track biex issa nikkumissjonaw l-iskola għall-istudenti u l-edukaturi tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv qal illi fl-iskola idaħħal il-kunċett ta’ spazji miftuħa.
“Meta wieħed jikkonsidra li l-istudenti tagħna jqattgħu tal-inqas 50% f’postijiet magħluqin bħall-iskola, kif tista’ tara din l-iskola għandha ambjent miftuħ ħafna, illi tħallilhom anke għalihom jimirħu fl-istudju tagħhom. Intużaw ukoll kuluri għal tal-apposta kif ukoll id-dawl li sar biex dejjem jassisiti u jgħin biex ikollhom kemm jista’ jkun ambjent miftuħ u mifrux.”
Intant, l-FTS ħadet ħsieb ukoll illi l-bini jkun aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll ta’ livell ambjentali għoli. Dan filwaqt li l-iskola se jkollha parkeġġ li jakkomoda madwar 400 karozza.
“Hija mibnija skont l-aħħar environmental standards, jiġifieri prattikament nistgħu ngħidu li hija grade A. Il-mod ta’ aperturi li ntużaw kif ukoll anke l-arja kkundizzjonata jagħmluha waħda mill-aktar environmental friendly li prattikament l-FTS investiet matul din l-amministrazzjoni.”
Dan l-investiment, li jlaħħaq it-13-il miljun ewro, huwa fost kullana ta’ investimenti oħra li l-Fondazzjoni għaddejja bihom.