Żewġ żgħażagħ, wieħed ta’ 18-il sena minn Raħal Ġdid u ieħor ta’ 23 sena minn Ħal Tarxien, ġew arrestati b’rabta ma’ serqa li allegatament wettqu l-bieraħ wara nofsinhar f’Pembroke.
Is-serqa saret ilbieraħ għall-ħabta tat-tlieta u għoxrin ta’ wara nofsinhar ħdejn it-Torri tal-Madliena fl-inħawi tal-Whitetocks fejn tlett irġiel sfaw misruqa miż-żewġ żgħażagħ, wieħed minnhom armat b’pistola.
Immedjatmanet fuq il-post marru l- Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan, fejn hemmek sabu l-vittmi – żewġ Maltin ta’ 46 sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 64 sena residenti Tas-Sliema u Taljan ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun – li spjegaw li waqt li kienu qegħdin jgħumu, żewġ persuni b’wiċċhom mgħotti resqu lejhom u talbuhom il-flus.
Il-vittmi spjegaw li f’ħin minnhom, wieħed miż-żgħażagħ ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras wieħed mill-irġiel. Ftit wara, iż-żagħżugħ l-ieħor qabad basket ta’ wieħed mill-vittmi u ħarbu lejn Baħar iċ-Ċagħaq. Bid-deskrizzjoni taż-żewġ persuni f’idejn il-Pulizija, bdiet tfittxija fl-akwati.
Din it-tfittxija ħalliet il-frott hekk kif għall-ħabta tal-ħamsa u nofs waqt li l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali kienu qegħdin iduru l-akwati tal-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq, innutaw vettura tal-għamla BMW b’żewġ żgħażagħ ġo fiha u li qajmu suspett, hekk kif kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuni mfittxija. Malli l-Pulizija għamlulhom is-sinjal biex jieqfu, huma ħarbu jsuqu b’veloċità sakemm ġew iċċirkondati. Huma ppruvaw jaħarbu bil-ġiri, iżda inżammu mil-lewwel u ġew arrestati.
Huma kienu arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, f’ħidma konġunta mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan.
Għal dan il-każ l-Assistent Kummissarju responsabbli mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, Sandro Gatt qal li “l-arrest ta’ dawn iż-żewġ persuni ftit ħin biss wara li bdejna ninvestigaw turi mhux biss il-ħidma f’waqtha bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija, imma ukoll grazzi għad-deskrizzjoni tajba li ngħatajna tal-allegati agressuri. L-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex minn tfittxija li saret, wara waħda mill-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq minn fejn ġew arrestati ż-żewġ persuni, instabet l-arma li allegatament intużat kif ukoll il-ħwejjeġ li kellhom l-agressuri biex jgħattu wiċċhom. Dawn iż-żewġ persuni li allegatament wettqu s-serqa issa jinsabu fil-kustodja talPulizija għal aktar stħarriġ.”
Fi stqarrija l-Pulizija rringrazzjat lill-pubbliku tal-koperazzjoni li wriet.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.