Pajjiżna se jkun allokat €2.25 biljun f’fondi Ewropej wara li ftehim li ntlaħaq f’summit li sar f’dawn jiem fi Brussells bejn il-mexxejja Ewropej. Dan ifisser li dan huwa d-doppju tal-ammont miksub għal pajjiżna għas-seba’ snin li għaddew.
Fi stqarrija l-Prim Ministru fisser dan il-ftehim bħala riżultat eċċezzjonali u nnota li din hija l-ikbar allokazzjoni li qatt saret għal Malta b’sitt allokazzjonijiet speċjali.
Wara l-itwal u l-aktar negozjati intensivi dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela nnegozja pakkett ta’ €2.250 biljun għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin.
Dan jinkludi €1.923 biljun mill-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, kif ukoll €327 miljun mill-għotjiet tal-fond ta’ rkupru li għadu kif ġie stabbilit. Dan l-ammont ma jinkludix self.
Dan il-ftehim huwa meqjus bħala wieħed brillanti u storiku għal Malta anki meta wieħed iqis li b’riżultat ta’ BREXIT, għandek pajjiż kbir inqas bħar-Renju Unit li se jkun qed joħroġ il-flus.
Fil-fatt ir-Renju Unit kien it-tieni l-akbar kontributur nett għall-budget tal-Unjoni Ewropea u għall-Ewropa fisser €75 biljun inqas għall-budget Ewropew.
Barra minn hekk, minħabba t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta li fisser li ras għal ras, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) tagħha, meta mqabbel mal-medja tal-UE tjieb b’mod notevoli matul dawn l-aħħar seba’ snin.
F’laqgħat intensivi, il-Prim Ministru kellu diskussjonijiet mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u mexxejja Ewropej oħra biex jispjega l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ Malta, fejn spjega li minkejja l-andament ekonomiku qawwi ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, Malta, bħala gżira żgħira fl-Unjoni Ewropea, għandha sfidi uniċi li huma differenti minn dawk ta’ stati membri oħra.
Waqt in-negozjati li damu għaddejjin ħamest ijiem, saħansitra anki għal-iljiel sħaħ, il-Prim Ministru saħaq il-pożizzjoni li Malta m’għandhiex tiġi ppenalizzata għall-isforzi tagħha f’dawn l-aħħar snin biex iżżomm il-qgħad baxx.
Il-ftehim tal-lum fil-Kunsill Ewropew Speċjali jfisser li Malta kisbet total ta’ €842 miljun f’fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.
Dan l-ammont, li ma jinkludix €92 miljun f’fondi addizzjonali oħra tal-Politika ta’ Koeżjoni mill-fond ta’ rkupru, huwa minn tal-inqas €66 miljun aktar minn dak li kisbet Malta fi Frar tal-2013 għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020.
Il-Prim Ministru ta ħajr lil dawk kollha li kienu involuti fix-xhur ta’ negozjati kkumplikati u diffiċli ħafna li wasslu għall-pakkett finali eċċezzjonali ta’ Malta.
Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern se jagħmel l-almu tiegħu sabiex ir-riżultat tal-lum jiġi tradott fi programmi u proġetti biex nikkonsolidaw aktar investimenti fl-ekonomija u ċ-ċittadini tagħna.
Intant, fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dan l-akbar ta’ pakkett ta’ fondi Ewropej għal Malta se jsarraf f’aktar investiment għall-ekonomija Maltija u ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż.
€2.25bn is the allocation of EU funds for #Malta and #Gozo in the next 7 years. Double the amount for 2014-2020. This largest ever package will translate into further investment in our #economy and #citizens. Thanks #TeamMalta 🇲🇹 – RA pic.twitter.com/UCVcElh2j2
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 21, 2020