Illum mistenni jibda jinstema’ l-każ kontra Stefan Balliet ta’ tmienja u għoxrin sena li quddiem maġistrat waqt l-investigazzjoni kien ammetta li wettaq l-attakk fuq sinagoga fil-Belt ta’ Halle fil-Ġermanja.
Il-każ seħħ fid-9 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra meta armat sa’ snienu allegatament Balliet prova jidħol f’sinagoga waqt ħin ta’ talb.
Madankollu il-bibien kienu imbarrati minn persuni li kienu ġewwa wara li rawh jipprova jidħol mill-kameras tas-sigurtà. Meta dan ra li ma setax jidħol, bir-rabja dar u spara u qatel mara ta’ erbgħin sena li kienet għaddejja mill-istess triq.
Ftit wara huwa waddab splussiv lejn ħanut tal-ikel ftit toroq il-bogħod, u spara u qatel raġel ta’ għoxrin sena li kien ġol ħanut.
Huwa kien xandar b’mod dirett l-attakk fuq Facebook u wara tella’ numru ta’ dokumenti jappella lill-qarrejja tiegħu biex joqtlu persuni Lhud. Balliet qed ikun akkużat b’żewġ akkużi ta’ qtil u tmienja u sittin akkuża ta’ attentat ta’ qtil, b’numru ta’ persuni li kienu fis-sinagoga dakinhar tal-attakk mistennija jkunu preżenti fl-awla.