Malta se tibqa’ tkun proattiva f’inizjattivi biex tkun miġġielda l-kriminalità organizzata fil-Mediterran.
Sostna dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt żjara uffiċjali f’Ankara fit-Turkija li saret fuq stedina mill-Ministru tad-Difiża Tork Hulusi Akar.
Malta u t-Turkija jinsabu f’taħditiet avvanzati għal ftehim ta’ kollaborazzjoni sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transnazzjonali. Dan se jara ż-żewġ pajjiżi jikkollaboraw flimkien fuq il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-droga, l-armi u l-persuni.
Il-Ministru Tork spjega kif it-Turkija tqis lil Malta bħala pajjiż strateġiku fil-Mediterran li għandu ħafna kontribut x’jagħti fil-ħarsien tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun.
Matul iż-żjara ittellgħu wkoll laqgħat trilaterali bejn il-Ministri tas-Sigurtà Nazzjonali u d-difiża ta’ Malta, it-Turkija u l-Libja.
F’laqgħa bejn il-Ministru Camilleri u l-Ministru tad-Difiża Libjan kompliet tiġi diskussa t-tema tal-immigrazzjoni llegali. Iż-żewġ partijiet irrikonoxxew li għad baqa’ sfidi li jirrikjedu l-impenn taż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Camilleri iltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Intern Tork fejn ġew diskussi diversi oqsma fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni ċivili.
Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi l-Ambaxxatriċi nominata ta’ Malta fit-Turkija Theresa Cutajar u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Jeffrey Curmi.