Ċiklist mir-Renju Unit ta’ 52 sena li joqgħod tas-Sliema qed isofri min ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-Imsida.
L-inċident bejn karozza u rota seħħ għall-ħabta tas-7 ta’ filgħodu fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Imsida.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-inċident seħħ bejn rota u karozza tal-għamla Ford Ka li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 38 sena minn Santa Venera.
Iċ-ċiklist ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.