Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna b’sodisfazzjon ħabbar li għal darb’oħra l-ħruġ tas-62+ Savings Bonds tal-gvern kienu ta’ suċċess, dan hekk kif id-domanda għalihom kienet ferm ogħla mill-ammont allokat.
Fuq perjodu ta’ jumejn ġew offruti €105 miljun, għall-ħruġ tas-62+ Savings Bonds Dan ifisser €45 miljun iktar minn dak li alloka t-Teżor.
Il-Ministru Scicluna qal, “Dan juri l-fiduċja sħiħa li l-poplu Malti għandu fil-gvern u l-mod li bih qed jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż”.
Dan il-bond se jkun qed jagħti dħul addizzjonali mal-pensjoni tul il-kors tal-investiment lil numru sostanzjali ta’ anzjani, li bil-bżulija u bl-għaqal tagħhom faddlu matul iż-żmien li ħadmu.
Matul dawn l-aħħar erba’ snin, dawn il-bonds issa jiġu jammontaw għal total ta’ ftit inqas minn €400 miljun. Dawn gawdew minn rata preferenzjali ta’ 3%, li hija rata ta’ imgħax ogħla minn dawk li qed joffri s-suq finanzjarju.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi ntqal li fix-xhur li ġejjin il-gvern se jkun qed jagħti opportunità oħra, din id-darba lil kulħadd, sabiex jipparteċipa f’bonds indirizzati għall-pubbliku inġenerali.