F’Mejju beda jirpilja l-andament ekonomiku.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatisitka tal-Eurostat li wriet li matul Mejju l-importazzjoni f’pajjiżna uriet l-ogħla żieda minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan meta kienet kważi 37% ogħla mis-sena li għaddiet.
B’kuntrast f’Ċipru kien hemm tnaqqis ta’ 49%, u fil-Ġreċja 53%.
Anke fil-mutur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja, kien hemm waqgħa kbira, ta’ kważi 20%.
Iż-żieda fl-importazzjoni tirrefletti żewġ żviluppi.
Min-naħa waħda għandek żieda fil-konsum lokali wara xhur li fihom id-domanda domestika kienet ferm kajmana u t-tieni li d-domanda esterna għall-prodotti Maltin u Għawdxin bdiet tirkupra.
Skont il-Eurostat matul l-ewwel ħames xhur tas-sena, l-esportazzjoni Maltija għal pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea baqgħet tista tgħid stabbli, bi tnaqqis ta’ 1%.
Dan meta fil-Ġermanja kien hemm tnaqqis ta’ 13%, u l-medja Ewropea kienet fl-istess livelli.
Din l-aħħar statistika tkompli tikkonferma li pajjiżna ħa l-inqas daqqa ekonomika kawża tal-pandemija.
Fil-fatt anki l-bilanċ fuq il-kummerċ internazzjonali, f’pajjiżna tjieb b’40% f’dawn il-ħames xhur filwaqt li fil-Ġermanja kien hemm deterjorament ta’ 33%.
Permezz tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela x-xahar li għadda, il-Gvern qed jgħin bil-kbir lill-esportaturi.
Apparti għajnuna fuq pagi, kirjiet u kontijiet tad-dawl, se tingħata għajnuna lil dawk li qed jagħmlu kampanji diġitali favur il-prodott tagħhom.