Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jgħallem lill-Partit Laburista kif jieħu deċiżjonijiet għaliex f’25 sena Gvern Nazzjonalista kien jippreferi joqgħod gallarija.
Kien dan il-ġist tal-kollegament telefoniku tal-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu fuq ONE RADIO.
Fost dawn id-deċiżjonijiet Joseph Muscat tkellem dwar dik tal-fish farms li Gvern preċedenti ħalla għaddejja mingħajr ma ħa ebda deċiżjoni. Il-Prim Ministru sostna li Gvern Nazzjonalist m’ għamel l-ebda regolamenti fuq l-operat tagħhom.
“M’hemmx sistema, għax il-ġenji li kien hemm qabel fil-Gvern qas ħasbu għalija. M’hemmx regolarizazzjoni fuq is-sistema u issa ħa nkunu qegħdin nagħmluha. Aħna pro-business imma rridu nieħdu d-deċiżjonijiet li jimxu mar-regoli.”
Huwa għalhekk li ma jistax ikun hemm kritika mill-eks Ministru Mario De Marco, għaliex kien hu li ma ħa l-ebda deċiżjoni u issa ma jistax jiġi jipprova jgħallem il-Gvern xi jrid jagħmel fuq dan is-settur.
Dan il-kuntrast ifakkar lill-poplu kif dan huwa Gvern proattiv jieħu deċiżjonijiet li Gvern preċedenti kien beżan li qatt jieħu.
Huwa għalhekk li l-aġenziji internazzjonali ukoll qed jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet għaqlin ta’ dan il-Gvern, kif għamlet l-aġenzija Moody’s aktar kmieni din il-ġimgħa.
Problema oħra li dan il-Gvern ħa deċiżjoni dwarha kienet ir-rata ta’ qgħad, li frott il-bżulija issa hija l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea għaliex inħolqu impjiegi ġodda li taw dinjita’ lin-nies. Id-deċiżjoni għaqlija tal-Gvern li jiftaħ l-Isptar San Luqa ser twassal ukoll sabiex jonqsu l-listi ta’ stennija għas-servizzi mediċi.
Waqt il-kollegament, il-Prim Ministru sostna wkoll li wara dak li ġara fil-kwistjoni bejn l-Irlanda u l-kumpanija Apple, il-Gvern ser ikun qed jaħdem sabiex pajjiżna jibqa’ relevanti u kompettitiv fis-suq komuni u b’hekk deċiżjonijiet fuq it-taxxa jibqgħu jieħduhom il-Gvernijiet.
Aħna determinati li nkompli nagħmlu pajjiżna suċċess u nkomplu nkunu ferm aktar kompettiivi mill-kompetturi taghna.