Taljana ta’ 25 sena li tgħix in-Naxxar tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fis-Swieqi.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:30 ta’ filgħodu fi Triq Sant’Andrija, meta seħħet ħabta bejn vettura li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 27 sena mill-Mosta u mutur li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 32 sena min-Naxxar.
It-tfajla kienet passiġġiera fuq il-mutur fil-ħin tal-inċident.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna. Ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur u lit-tfajla passiġġiera l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief, u l-mara sofriet minn ġrieħi serji tant li tinsab f’qagħda kritika.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali, u l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet.