Il-Mużew prestiġġjuż ta’ fama internazzjonali Museum of the Bible f’Washington l-Amerika se jkun qed jesebixxi għaxar presepji maħduma minn artisti Maltin f’opportunità unika b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Arti u l-Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti Keith Azzopardi.
Mario Azzopardi, id-Direttur għall-Kultura fi ħdan il-Ministeru spjega kif tnediet kompetizzjoni biex jintgħażlu l-aqwa għaxar presepji.
Huwa stqarr: “Lilna tawna din l-opportunità illi minn nofs Novembru sa Marzu, ġifieri ara kemm perjodu twil, nesebixxu l-ħiliet tal-artisti Maltin, tal-presepisti Maltin. Hija opportunità unika mhux ta’ min tintilef. Barra minn hekk tajjeb illi ngħidu illi l-presepju li se jispiċċa fl-ewwel post, anke se jibqa’ b’mod permanenti f’dan il-mużew, jiġifieri se nħallu xi ħaġa li tirrapreżenta lil Malta propju f’dan il-mużew prestiġġjuż.”
Intant, il-koordinatur għal dan il-proġett semma l-parametri sabiex il-presepju mhux biss ikun sabiħ, imma wkoll jirrakkonta l-istorja tal-miġja ta’ Ġesù Bambin.
Is-Sur Vella spjega: “Bħala specifications biex jintagħżlu l-presepji għandek il-kulur importanti, l-atmosfera tal-presepju kif ħa tkun, il-qisien tal-pasturi għandek diversi parametri fejn inti tista’ taħdem fuqhom.”
Il-prespji għandhom ikunu lesti tal-15 ta’ Settembru li ġej u kull min huwa interessat li jipparteċipa, jista’ jibagħat email fuq emanuel.e.vella@gov.mt sa 31 ta’ Lulju.
Dan filwaqt li nhar il-Ħadd 2 ta’ Awwissu se ssir laqgħa ta’ informazzjoni fi Spazju Kreattiv, il-Belt.