Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ippreżenta il-pjan ta’ ħidma tiegħu sas-sena d-dieħla. Dan fih 38 proposta li jiffokaw fost l-oħrajn fuq aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ fosthom li jibqa’ jiġi organizzat il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ u jiżdiedu l-kollaborazzjonijiet ma’ Aġenzija Żgħażagħ.
Il-President tal-Kunsill Chiara Vassallo spjegat kif din is-sena kienet waħda impenjattiva ferm, b’diversi ħidmiet ma’ setturi differenti fosthom anki fi pjattaformi Ewropej.
Qalet li l-inizzjattivi jolqtu lil kulħadd biex kull żagħżugħ iħoss dak is-sens ċiviku.
“Għandna ħafna proġetti fejn żgħażagħ li forsi ma tinteressahomx daqshekk il-politika, xorta jistgħu jinvolvu ruħhom u jgħixu x’jixtiequ li jara jinbidel fis-soċjetà.”
Preżenti għal din il-preżentazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima li faħħar lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u lil Aġenzija Żgħażagħ għax-xogħol li qed iwettqu.
“Dan imsejjes fuq diversi punti li jħarsu lejn ir-rwol proattiv taż-żgħażagħ. Hekk se noħorġu hemm barra u naraw li aktar żgħażagħ jersqu ‘l quddiem u bil-kontribut tagħhom jagħmlu bidla għal pożittiv fis-soċjetà tagħna.”