Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro se tiġi implimentata sistema magħmula minn seba’ mitt pannella solari biex tiġi mmassimizzata l-produzzjoni tal-elettriku fl-inqas spazju possibbli fil-Biċċerija.
Il-Prim Ministru qal dan waqt żjara fil-Biċċerija fil-Marsa fejn fiha ltaqa’ mal-ħaddiema u rringrazzjahom tal-ħidma sfieqa tagħhom.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-viżjoni tal-Gvern li Malta tinħeles mill-karbonju sal-elfejn u ħamsin.
Sostna li l-biċċerija kienet kruċjali għall-provvista tal-ikel f’pajjiżna matul l-imxija.
Il-Prim Ministru rrefera għall-investiment qawwi ta’ tmien miljun ewro li għamel il-Gvern f’dawn l-aħħar ħames snin. Investiment li permezz tiegħu setgħu jsiru sittin proġett differenti f’xogħol ta’ tiġdid u rinnovar sabiex il-Biċċerija inbidlet f’xempju ta’ kwalità tal-produzzjoni agrikola Maltija.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo li ntlaqa’ wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Biċċerija Pubblika Emmanuel Schembri.