Il-jum tat-8 ta’ Settembru huwa jum speċjali għall-Mellieħa fejn tiġi ċċelebrata l-festa tat-Twelid ta’ Marija Bambina, Jum il-Vitorja.Għaldaqstant ir-raħal jitlibbesil-libsa tal-festa sabiex jitfakkar dan il-jum speċjali u diversi għaqdiet lokali jagħtu s-sehem tagħhom sabiex jallegraw l-eluf ta’ nies li jkunu preżenti permezz tal-mużika, l-armar u l-funzjonijiet reliġjużi.
Però żgur li ħafna nies ikunu qed jistennew il-programm tan-nar li jiġi ppreżentat fil-ġurnata ta’ qabel, nhar is-7 ta’ Settembru.L-Għaqda tan-Nar Marija Bambina – Mellieħa saret sinonima mal-fatt li toffri diversispettakli f’lejla waħda –spettaklu tripplu li jpaxxi l-għajn. Din is-sena mhux inqas; għaliex għar-raba’sena konsekuttiva ser tittella’ l-wirja piromużikali bl-isem “Symphony of Colours”, spettaklu meraviljuż ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika li jkun maqsum fi tliet partijiet u mistenni jdum 30 minuta.
Diversi siltiet mużikali minn mużika klassika, kontemporanja, musicals sa mużika moderna- ikunu mqabbla perfettament ma’ diversi effetti pirotekniċi bħal ftuħ tal-kulur u beraq, blalen ta’ diversi qisien, disinji, żbroffi u fjammi. Ma jonqosx ukoll li jinħarqu diversi murtali tradizzjonali bħall-beraq ikkulurit, murtali tal-logħob u tal-kulur.
It-tieni parti mbagħad teħodna ġewwa l-Pjazza Parrokkjalifejn għal darb’oħra nsegwu wirja ta’ logħob tan-nar mekkanizzat.Il-grupp tan-nar tal-art fi ħdan l-Għaqda tan-Nar Marija Bambina ħa ħsieb li joħloq tliet irdieden mekkanizzati ġodda flimkien ma’ tapit ġdid sabiex jagħlaq din il-partita l-ispettaklu.
In-nies li jippakkjaw il-pjazza jkunu qed jistennew bil-ħerqa l-mument fejn tiġi esegwita l-aħħar parti ta’ dan l-ispettaklu tripplu – din id-darba minnfuq il-Knisja, issa Arċipretali. Spettaklu ta’ nar sinkronizzat perfettament mal-mużikali jinħaraq minn diversi ponot tal-knisja u mad-dawra tal-pjazza li ftit naraw bħalu Malta. Grupp ta’ nies iqattgħu jiem sħaħ telgħin u neżlin sabiex fl-aħħar mill-aħħar din il-wirja tkun tista’ titgawda minn kulħadd.
Spettaklu tripplu f’lejla waħda li żgur m’għandux jintilef.