Il-kumpanija tal-Awditjar ‘Deloitte’ ġiet ordnata tħallas €42,000 f’danni lill-kumpanija ‘Valle Del Miele’. Dan wara li d-‘Deloitte’ tilfet appell kontra sentenza tal-qorti, li kienet sabet li l-kumpanija kienet negliġenti fil-mod ta’ kif fl-awditjar tal-‘Priceclub supermarkets’ lura fis-sena 2000, l-kumpanija kienet pinġiet l-istampa b’mod ottimista u ma urietx l-problemi finanzjarji serji li kienet qed taffaċja l-kumpanija.
Għalkemm kien ġie ppubblikat l-eżitu tal-awditjar l-‘Priceclub’ kienet waqqfet il-ħlas lill-‘Valle Del Miele’, li kienet kreditur tagħha b’dejn ta’ madwar €350,000.
Il-kumpanija ‘Valle del Miele’ saħqet li l-kumpanija ‘Deloitte’ kienet aġixxiet b’mod negliġenti u qarrieqi meta għamlet l-awditjar tal-‘Priceclub’ u li għalhekk kienet responsabbli għad-danni. Għalkemm dawn l-allegazzjonijiet kienu miċħuda mill-kumpanija ‘Deloitte’, fl-2003 il-Qorti sabitha responsabbli tad-danni.
Il-kumpanija kienet appellat mis-sentenza, iżda l-appell ma kienx aċċettat wara li dan ma sarx sa għoxrin ġurnata wara l-għoti tas-sentenza.
Sussegwentament, d-Deloitte fetħet kawża kostituzzjonali li nqatgħet favuriha fl-2006. Madankollu, sena wara din is-sentenza kienet maqluba wara appell tal-Avukat Ġenerali. B’hekk l-isħab fil-kumpanija ħadu l-każ fi Strasburgu fl-2011, fejn il-Qorti ordnat li jitħallsu €6,000, minħabba ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq.
Madankollu, l-kumpanija Deloitte reġgħet fetħet kawża oħra f’pajjiżna fuq dak li ddeċidiet il-Qorti tad-drittijiet umani, iżda l-ewwel Qorti ta’ ġurisdizzjoni kostituzzjonali u wara l-qorti kostituzzjonali stess rrifjutaw t-talbiet tal-kumpanija.
F’sentenza dwar appell ieħor miftuħ miż-żewġ partijiet, l-imħallfin Giannino Caruana Demajo, Joseph R. Micallef u Anthony Ellul qablu mas-sentenza oriġinali u sabu li kien hemm negliġenza min-naħa tal-kumpanija ‘Deloitte’.
Dan hekk kif il-Qorti qalet li kienet responsabbilità tal-awdituri li jaraw li d-dokumenti mgħoddija lilhom mill-kumpanija ‘Priceclub’ kienu ta’ min joqgħod fuqhom. Iżda l-qorti qalet ukoll li għalkemm l-kumpanija midjuna ma kinitx aġġixiet b’mod tajjeb, dan ma jfissirx li l-kumpanija tal-awdituri kienet kompliċi fil-qerq.
Ritratt: PBS