It-Tnejn filgħodu fil-Parlament bdiet id-diskussjoni tal-emenda fil-liġi dwar il-ħatra tal-President.
Din l-emenda hija waħda minn sensiela favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Fil-fatt din l-emenda u oħrajn huma parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-Gvern li ġew milqugħa mill-Kummissjoni Venezja.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis spjega fuq il-passi bla preċedent li se jieħu l-Gvern billi l-President tar-Repubblika jinħatar bil-vot taż-żewġ terzi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Zammit Lewis spjega li wara żewġ voti li ma jiksbux iż-żewġ terzi, jidħol mekkaniżmu fis-seħħ fejn imbagħad il-President jintgħażel b’maġġoranza sempliċi biex ma jkollniex kriżi fil-kamp Kostituzzjonali.
“Illi tagħmel ‘anti-deadlock’, mhux biex tintuża, pero biex inti tagħmel liġi effettiva. Jiġifieri jiena l-obbligu tiegħi huwa l-ewwel illi niġi hawn u li jkun hemm diskussjonijiet bejn żewġ naħat tal-kamra mhux biex nitrapolaw jew nonsbu lil xulxin, biex issir l-aħjar għażla tal-president. Dik hi l-intenzjoni u t-ratio legis tal-leġislatur.” Saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja.
Qal li dan il-mekkaniżmu dwar l-għażla tal-President huwa wieħed li anki saħqitu l-Kummissjoni Venezja biex ikollna liġi li taħdem.
Id-deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said kien wieħed mill-kelliema tal-Oppożizzjoni maqsuma u wera li hu kontra li wara żewġ voti biż-żewġ terzi li juru nuqqas ta’ qbil, jidħol fis-seħħ mekkaniżmu biex il-President tar-Repubblika jinħatar xorta.
Said qal, “U allura l-abbozz 141 kif inhu ma jistax isib l-appoġġ tal-oppożizzjoni, għalkemm aħna naqblu li l-president għandu jinħatar biż-żewġ terzi u ma jistax isib l-appoġġ, kif ser nispjega aktar il-quddiem, propju minħabba l-imbierka fallback position.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis aċċenna fuq il-passi li qed jieħu l-Gvern fejn qed ineħħi l-preroragattiva tiegħu dwar l-għażla tal-Kap tal-istat Malti.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr, “Il-president minn Malta Repubblika tan- 1974 sal-lum, inħatar dejjem bil-mod li nħatar, jiġi gvern, ha nkun ċar f’ċirkostanzi kostituzzjonali partikolari, Gvern illi minn dak li hawn fil-public domain, għandu l-appoġġ popolari li għandu, jiġi jipproponi li jitlef prerogattiva, ħa nkun ċar hux, prerogattiva bħal din li tagħżel il-president ta’ Malta u taqsamha mal-oppożizzjoni, jekk mhux breakthrough dik, jekk ma napprezzawx il-‘good intentions’ fir-riforma, ma naħsibx li nkunu qed nagħmlu ġustizzja ma’ li qed ngħidu.”