Fil-25 ta’ Lulju, id-DJ Tenishia se jingħaqad għal darb’oħra mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-kunċert mingħajr ħlas, bl-isem ta’ Tempo. Dan se jsir taħt id-direzzjoni ta’ Roderick Bugeja, u se jkollu taħlita ta’ siltiet popolari mit-tmeninijiet, u mużika House u Trance.
Dawn se jitħaltu ma’ mużika aktar klassika li se ‘twieġeb’ is-siltiet aktar moderni. Fost oħrajn se tindaqq mużika tas-surmast mibki Ennio Morricone. Joven Grech, minn Tenishia, qal li artisti ikun “esperimentattiv u innovattiv huwa importanti. Jiena dejjem ninpprova nara x’se nivvinta u x’se nagħmel ġdid. għalhekk din il-ħaġa tal-orkestra kienet ilha snin f’moħħi”.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, spjega ma’ ONE News li l-kunċert TEMPO diġà ra suċċess waqt il-ftuħ ta’ Valletta 2018, u l-Aġenzija hija ħerqana tilqa’ lill-pubbliku mill-ġdid għal edizzjoni aktar sajfija tal-kunċert. Ma’ ONE News żied jgħid li “meta tara din l-esperjena ta’ talent impekkabli tal-orkresta, u talenti ta’ Tenishia u tal-kantanti l-oħrajn, tara li se tkun esperjenza sabiħa u ħolistika fil-25 ta’ Lulju, mit-8:00pm ‘il quddiem”.
Iċ-Chairman tal-Orkestra Filarmonika Sigmund Mifsud, qal li dawn l-avvenimenti ħajjin issa jridu jimmotivaw l-udjenzi jerġgħu jgawdu l-ħajja soċjali mill-ġdid.
Il-Ministru għall-Arti José Herrera qal li l-kunċert se jkun l-ewwel avveniment kbir fil-Belt wara l-pandemija, u l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li dan l-avveniment se jiġbed anki lit-turisti.