Ċifri tal-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni juru realtà xokkanti li teżisti xiber ‘l bogħod minna.
Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kienu iktar minn 3,700 immigrant li tilfu ħajjithom bi 3,000 minnhom sabu qabarhom fil-baħar Mediterran.
Konxji mill-fatt li r-rotta bejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa hija l-aktar waħda mfittxija mill-immigranti li jagħżlu li jagħmlu l-vjaġġ ta’ ħajjithom biex ikollhom futur aħjar, dawn il-figuri xorta juru sitwazzjoni traġika umanitarja.
Filfatt fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, in-numru ta’ immigranti li tilfu ħajjithom żdied bi tlieta u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Saħansitra jekk inmorru lura lejn l-2014, dan in-numru aktar milli rdoppja.
Quddiem is-sitwazzjoni ta’ instabilità fil-Libja, ir-rapport tal-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni jgħid li l-portijiet fl-Eġittu qed jintużaw iżjed biex l-immigranti jieħdu triq iżjed twila imma f’moħħhom forsi aktar sigura lejn l-Ewropa.
Il-problema tat-traġedji umani f’qiegħ il-baħar Mediterran ilha takkumula għal numru ta’ snin, bl-isfidi li jġib magħha waqgħu f’ħoġor l-Unjoni Ewropea.
Il-Valletta Summit kien għen biex il-mexxejja Ewropej u dawk Afrikani jiddiskutu fuq l-istess mejda l-prospetti lejn soluzzjonijiet għall-problema tal-immigrazzjoni.
Fuq in-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea laħqet anki ftehim mat-Turkija permezz ta’ finanzjament qawwi lejn il-Gvern Tork biex hu jikkontrolla l-qsim tan-nies minn pajjiżu lejn il-Greċja.