Deċenji ilu, il-kċina Maltija ma kinitx tikkonsisti biss mill-fniek u s-sopop iżda l-Maltin kienu ħafna aktar kreattivi b’palat vast li jwaqqalek żaqqek.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Kuratur tal-Mużew Marittimu Liam Gauci, dwar l-istorja interessanti tal-kċina Maltija.
Huwa qalilna: “L-istorja tal-ġelat, ta’ kemm il-darba dħalna l-Belt Valletta nieħdu ġelat jew nieħdu kafe. Dil-istorja ma bdietx ħamsin sena ilu imma bdiet madwar erba’ mitt sena ilu fejn missirjietna kuljum mill-Etna kienu jġibu s-silġ biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ġelat tagħhom.”
Gauci spjegalna wkoll li n-nutara kienu strumentali għaliex kien grazzi għalihom li sirna nafu x’kienu jieklu l-baħrin f’Kemmuna.
Huwa kompla jispjega: “Kemmuna mhijiex biss il-Blue Lagoon li tant hu sabiħ imma aħna xtaqna nuru li hemm kultura kbira ta’ ikel anki fuq Kemmuna. Għandha stejjer tagħha uniċi. Fittixna x’kienu qegħdin jieklu eżempju l-kursara meta jkunu qegħdin ilestu qabel ma joħorġu għall-corso. Qattgħu erbat ijiem Kemmuna bdejna naraw eżatt x’ikunu qegħdin jieklu. Immaġina li kienu qegħdin jieklu risotto bil-gambli Maltin. Kienu ħa jkunu qegħdin jagħmlu xi pulpetti tal-morini. Kien hemm ħafna minn dan l-ikel li aħna pruvajna nerġgħu nirrikreaw u tajna r-riċetti biex nerġgħu nduqu l-passat tagħna.”
Heritage Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ngħaqdu flimkien biex jipproduċu filmati qosra dwar il-kċina vasta li jħaddan pajjiżna.
Gauci sostna: “L-għan ta’ dawn il-vidjows huwa li Heritage Malta u l-MTA ddeċidejna li huwa importanti li noħorġu hemm barra nitkellmu li Malta hija lesta għat-turiżmu f’dawn il-kundizzjonijiet kemxejn strambi imma wkoll għandna x’nagħtu xi ħaġa ġdida li dak li qed jiġi hawn Malta qed jitgħallem storja ġdida għax Malta trid tgħid storja ġdida.”
Gauci temm jgħid li permezz ta’ din il-ħarsa lura lejn l-istorja irnexxielna nirrikreaw platti li permezz tagħhom għandna ċans nduqu togħma tal-passat f’Malta tal-lum.