Jum ieħor u l-kobba kompliet titħabbel hekk kif komplew maratoni ta’ laqgħat dwar il-kwistjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni fl-eqqel tal-kriżi enormi li kompliet tikber fil-Partit Nazzjonalista u fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
L-affarijiet minn filgħodu bdew juru li se jkomplu bl-intriċċi.
Filwaqt li l-President ta’ Malta kompla jibgħat għad-deputati Nazzjonalisti fil-palazz ta’ Sant’Anton biex jara f’min għandhom fiduċja dawn id-deputati, fis-Siġġiewi kienet għaddejja laqgħa sigrieta fid-dar ta’ Louis Galea.
Kien hemm diversi ġurnalisti li għal xi ħin inġabru barra d-dar tal-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmenijiet Louis Galea.
Dan l-iżvilupp fakkar lill-ġurnalisti jistennew xi mossa oħra bejn il-fazzjonijiet meta fi Frar, fl-eqqel tar-rivolta tas-sbatax-il eroj blu, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien fost dawk li nqabdu f’laqgħa sigrieta għand Louis Galea li tqabbad mill-Kap Adrian Delia biex jagħmel il-bidliet fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
Intant fil-laqgħa sigrieta tal-Ġimgħa filgħodu kien hemm esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li f’mumenti minnhom kienu qed jgħaqdu s-sbatax-il deputat fil-Parlament Malti biex tiġi aċċertata s-saħħa numerika fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni tal-fazzjoni Busuttil.
Nifhmu li fost iċ-ċrieki ta’ Delia, dan l-iżvilupp tahom ftit tan-nifs hekk kif kibret it-tama li jista’ jkun li jkun hemm min jerġa’ jibdielu wara li ħareġ l-isem ta’ Therese Comodini Cachia għal Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan seta’ ġara wara li Claudio Grech daqq l-irtirata u rrifjuta li jidħol għal kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’din il-konfużjoni sħiħa.
In-nies ta’ Claudio Grech, li huma wkoll dawk li kienu ħobża u sikkina mal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, qalu li ż-żiemel tagħhom ma jridx jinħaraq issa għaliex għandu ambizzjonijiet li jkollu karriera politika fit-tul.
B’hekk nifhmu li imbagħad li l-perċimess tal-konfoffi kontra l-Kap tagħhom Adrian Delia, poġġew lil Therese Comodini Cachia fuq quddiem biex hi tkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Iżda imbagħad quddiem dawn l-intriċċi kollha bdew jikkumplikaw l-affarijiet hekk kif mal-ħin beda jiġi rappurtat li saħansitra hemm deputati li vvutaw favur Delia li jistgħu jaqsmu man-naħa l-oħra.
Nifhmu li hemm deputati li qed jaraw fejn qed ixaqleb il-miżien u jista’ jkun li issa jagħtu l-fiduċja lil Comodini Cachia u jarmu lil Delia.
Dan l-istazzjon ċempel lil whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar.
Id-deputat Mellieħi, li fil-jum tal-Ħamis żvelajna kif ivvota favur Delia, jista’ jkun hu wieħed mill-ħdax li qed jerġa’ jibdielu u meta ridna nistaqsuh dwar dan u jekk tradiex lil Adrian Delia, instema’ skomdu għall-aħħar.
Cutajar qal: “Ovvjament ma nagħtix kummenti lill-media jiena. Ma nagħtix kummenti lill-media.
Meta kien mistoqsi: Bħala deputat Parlamentari fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma tagħtix kummenti lil media? Cutajar wieġeb: “Jiena bħala whip ir-responsabilità titlob li dak li għandi ngħid, ngħidu fl-istruttura tal-partit.
Iżda meta reġa’ kien mistosqi: “Jiġifieri rajniek f’programmi u affarijiet anqas taf x’ħa nsaqsik għadni. Ma għandiex problema ħabib, meta nkun fi programm nagħmel dak li jkun hemm bżonn. Nista’ nsaqsik il-mistoqsija? Għadek qas taf x’ħa nsaqsik.” Cutajar wieġeb biss: Insellimlek.”
Dan l-aħħar ċaqliq inkwieta lil tal-fazzjoni ta’ Delia, f’jum ieħor ta’ konfoffi bejn nies tal-istess partit f’tal-Pietà.
Fil-fatt ta’ Delia qed jibżgħu li n-numru ħdax ta’ deputati favur il-Kap se jinżel.
Dan irrappurtatu wkoll il-Maltatoday.
Nifhmu li b’dawn l-intriċċi kollha li għaddejjin f’Oppożizzjoni Nazzjonalista maqsuma, id-deputati li sfiduċjaw lil Delia ma jridux jispiċċaw barra minn partit li għal snin twal kellhom ir-riedni tiegħu f’idejhom.
Il-Ġimgħa filgħodu, barra l-Bank Ċentrali u l-parkeġġ għall-Membri Parlamentari, dehru Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia jitkellmu fit-tul.