Il-Ħamis filgħaxija, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mar fuq l-istazzjon televiżiv tiegħu u fetaħ attakk tremend fuq min sfiduċjah.
Huwa kwota mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-ogħla liġi fil-pajjiż li tgħid li l-Kap tal-partit fl-Oppożizzjoni għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Delia qal: “Għamilt referenza għal dak li tgħid il-kostituzzjoni tagħna fl-artiklu disgħin, sub-artiklu tnejn illi jgħid speċifikament illi għandu jkun il-kap tal-partit tal-ikbar grupp fl-oppożizzjoni illi jkun il-kap tal-Oppożizzjoni.”
B’botta ċara lil dawk li tradewh u sfiduċjawh, Delia semma li kulħadd irid jerfa’ r-responsabiltajiet tiegħu.
Fakkar lid-deputati Nazzjonalisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ikun Kap tal-Partit skont l-istatut tal-partit iżda anki skont x’tgħid il-Kostituzzjoni.
Delia sostna: “Kulħadd irid jerfa r-responsabilità tiegħu. Kull deputat illi ħa jmur għand il-President ta’ Malta jrid jiddeċiedi jekk iridx ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni jew le. Kull deputat jrid jifhem xi jfisser illi jekk jitneħħa l-Kap tal-Oppożizzjoni dan minnu innifsu ifisser xorta illi huwa il-Kap tal-Partit illi jrid ikun il-Kap tal-Oppożizzjoni.”
Ftit qabel tkellem fuq il-midja tiegħu, Delia għamel anki stqarrija fuq il-profil tiegħu fuq facebook.
Fiha esprima r-rabja tiegħu u qal li se jittieħdu l-azzjonijiet fl-istrutturi tal-partit fil-konfront ta’ dawk li sfiduċjawh.
Hawnhekk qal l-grupp ta’ dsatax-il deputat li sfiduċjah għalissa għadu parti mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-messaġġ tiegħu fuq in-NET, lil Therese Comodini Cachia li qed tiġi proposta biex tieħodlu postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Delia qalilha li huwa għadu jokkupa din il-kariga Kostituzzjonali.
Delia tenna: “Issemmiet l-Onorevoli Therise Comodini Chacia li minn hawn nsellmilha. Dan mhuwiex minnu, però hu l-Kap tal-Oppożizzjoni llum huwa Adrian Delia għax bqajt il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.”
Delia tenna li huwa ngħata mandat mit-tesserati u huwa se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal: “Ingħatajt mandat illi irrid nibqa nwettqu. Lit-tesserati tagħna illi tgħajnihom is-saħħa, il-kelma, id-deċiżjoni, li jkunu huma u huma biss li jiddeċiedu min ikun il-Kap tagħhom, jien m’jien se nitradiehom qatt.”
Jien għadni l-Kap tal-Partit u l-Kap tal-Oppożizzjoni, għalik.Sibna quddiemna żminijiet diffiċli, żminijiet iebsa li…
Posted by Adrian Delia on Thursday, July 9, 2020