F’ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, pajjiżna laqa’ 20,000 turist li ġew fuq ‘il fuq minn 220 titjira u 11-il vjaġġ bil-katamaran.
Dan ħareġ waqt żjara li għamlet il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli f’numru ta’ lukandi. Hawnhekk kien spjegat ukoll kif minbarra li t-turiżmu intern kien u għadu qed jirrikorri tajjeb ukoll, is-sidien tal-lukandi qed iħarsu ‘l quddiem biex jilqgħu iżjed turisti fiż-żmien li ġej, hekk kif mill-ġimgħa d-dieħla l-ajruport Malti se jiftaħ għal aktar destinazzjonijiet.
Il-Ministru Farrugia Portelli faħħret ix-xogħol kollu li sar minn dawn il-lukandi waqt il-pandemija biex it-turist xorta jsib kwalità eċċellenti ta’ servizzi waqt il-btala tiegħu.
“Din hija figura modesta imma bidu tajjeb. L-akbar ditta li għandha Malta hija li Malta kienet u għadha pajjiż sigur.”
Il-Ministru ltaqgħet ukoll ma’ numru ta’ turisti li ġew minn pajjiżi bħall-Awstrija, Danimarka, l-Italja, l-Irlanda u r-Repubblika Ċeka. Uħud minnhom qed iżuru Malta għall-ewwel darba, u oħrajn saħansitra ġew Malta għall-5 u anki 11-il darba.
“We chose Malta because it sounded very safe and it was a very short flight. We wanted to enjoy nice weather.
This is our fifth time in Malta. We love your island, your culture, your food, your hospitality and this hotel. It was an easy choice for us to come back.”
Il-Ministru sostniet li minkejja li s-sitwazzjoni internazzjonali għadha waħda imprevedibbli għall-aħħar, dawn in-numri huma inkoraġġanti anki bin-numru ta’ bookings li diġa’ hemm ikkkonfermati mhux biss f’dawn il-lukandi imma f’oħrajn li għandna mifruxa f’pajjiżna.
Filwaqt li t-titjiriet qed jiżdiedu progressivament u d-domanda għal Malta qed tkompli tikber, Farrugia Portelli temmet tgħid li l-Gver se jibqa’ jsostni din l-industrija billi jieħu kull opportunità biex ikabbar il-konnessjonijiet u l-viżitaturi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u kif ukoll mil-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Tony Zahra wkoll kienu preżenti għal din iż-żjara.