ONE News jista’ jiżvela min kienu id-dsatax-il deputat li sfiduċjaw lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’vot sigriet.
Sorpriża li fost dawn id-deputati hemm Kristy Debono, Hermann Schiavone u Stephen Spiteri, tliet deputati li kienu leali lejn Adrian Delia.
Dan il-fatt qed ikun meqjus bħala att ta’ tradiment mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li deputati bħal Herman Schiavone u Kristy Debono kienu ilhom jappoġġjaw lil Adrian Delia mill-elfejn u sbatax, fi żmien it-tellieqa għall-Kap u issa sfiduċjawh.
Il-fatt li dawn it-tliet deputati tradew lil Adrian Delia u sfiduċjawh kien fattur ewlieni li wassal biex il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tressaq il-vot sfiduċja wara li kienu jafu li għandhom is-saħħa numerika warajhom.
Sors fid-Dar Ċentrali qal lil ONE News li b’Schiavone, Debono u Spiteri qasmu man-naħa l-oħra, ta’ Busuttil għamlu l-kuraġġ u taw is-salt fuq Delia hekk kif indunaw li issa l-miżien se jxaqleb lejhom.
Kif mistenni d-deputati ewlenin tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil ivvutaw kontra Adrian Delia, wara li qatt m’aċċettawh bħala l-kap tagħhom.
Dawn huma Chris Said li preżenta l-mozzjoni, Therese Comodini Cachia li ssekondat l-mozzjoni, Jason Azzopardi, Karol Aquilina, David Thake, Beppe Fenech Adami, Claudette Buttigieg, Mario De Marco, Ryan Callus, Ivan Bartolo, Claudio Grech, Kevin Cutajar, Karl Gouder u Ivan Bartolo li s-sena li għaddiet preżenta petizzjoni sabiex jiġi sfiduċjat Adrian Delia f’isem il-fazzjoni Busuttil.
Ivvotaw kontrih ukoll iż-żewġ ewro parlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa.
Dawn iż-żewġ membri fil-grupp parlamentari mhux se jagħmlu differenza fil-Parlament Malti iżda anki mingħajr dawn, il-fazzjoni ta’ Busuttil xorta għandha n-numri fil-Parlament.
Flok dawn iż-żewġ persuni hemm Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li lesti jgħaqqdu n-numru dsatax fil-Parlament.
Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, iż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ħadu siġġu bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil, f’koalizzjoni mlaqqma dik tal-konfużjoni, mistennija wkoll jagħtu l-appoġġ lill-grupp ta’ Oppożizzjoni ta’ kontra Delia.
Osservaturi politiċi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li dan huwa xenarju politiku ġdid f’Malta fejn se jkollok sitwazzjoni ta’ Gvern u Oppożizzjoni maqsuma f’ħafna biċċiet.
Dan hekk kif se jkollok Oppożizzjoni magħmula minn 19-il deputat u oħra ftit iżgħar bi 11-il deputat immexxija minn Adrian Delia.