Tul il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se tkun qed issir Sistema Komuni għall-Ażil, sabiex kull stat membru jerfa’ il-piż tal-immigrazzjoni.
Dan intqal mill-ambaxxatur Ġermaniż Walter Hassmann waqt konferenza online organizzata mill-MEUSAC, fil-bidu tal-Presidenza Ġermaniża.
L-Ambaxxatur Ġermaniż qal kif fl-Unjoni Ewropea jrid ikun hemm politika komuni għall-immigrazzjoni li titmexxa mill-Kummissjoni Ewropea.
Huwa stqarr: “We cannot continue to deal person by person, like at a stock exchange. So we are waiting eargely for a new proposal for a Common EU Asylum System, which will be tabled by the Commission, most probably in September.”
Hassmann semma’ kif aktar kmieni din il-ġimgħa, waqt il-Kunsill Ewropew tal-Ministri tal-Intern ġie deċiż li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tgħin lill-pajjiżi fin-nofsinhar tal-kontinent Ewropew.
Waqt din il-konferenza, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal kif ir-rilokazzjoni mhix is-soluzzjoni aħħarija dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal kif hemm bżonn l-għajnuna għall-ekonomija Ewropea wara l-pandemija, speċjalment hekk kif fil-Kunsill Ewropew il-ġimgħa d-dieħla se jkun diskuss il-budget Ewropew għas-seba’ snin li jmiss.
Min naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif din il-presidenza Ġermaniża trid taħdem biex l-ekonomiji Ewropej jirkupraw.
Barra l-immigrazzjoni, il-Presidenza Ġermaniza li bdiet dan ix-xahar u li għandha sal-aħħar ta’ din is-sena għandha diversi prijoritajiet.
Intant, fil-jum li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qed tippreżenta l-prijoritajiet ewlenin fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba qal kif din il-presidenza se jkollha tinvesti bi kbir fl-ekonomija Ewropea wara d-daqqa li qalgħet minħabba l-pandemija.