Donazzjoni ta’ €20,000 mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment se tkun qed tmur għall-investiment fid-djar ta’ Aġenzija Sapport u f’San Vinċenz De Paul.
Dan l-investiment li se jkun qed imur direttament għall-anzjani u l-persuni b’diżabiltà jinkludi fih erbgħa u sittin siġġu tar-roti u seba’ saqqijiet għal sodod speċjalizzati.
Waqt l-għotja ta’ din id-donazzjoni, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal kif dan il-gvern għandu kuxjenza soċjali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat innota kif mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment ingħataw €4.8 miljun lill-għaqdiet non-governattivi.
Huwa spjega li bil-programm ta’ residenza ġdid, l-għaqdiet se jgawdi iżjed.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat stqarr: “Se jibda jiġi mħeġġeġ jagħti, imġiegħel jagħti donazzjoni ta’ mhux inqas minn €10,000 lill-NGO tal-għażla tiegħu. Li jfisser illi fis-snin li ġejjin, l-NGOs Maltin se jibbenefikaw minn mhux inqas minn €15-il miljun f’għajnuna diretta li dawn l-investituri se jkunu qegħdin ituhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal kif din id-donazzjoni se tkun qed tbiddel ħajjet l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà.
L-Onor. Parnis sostna: “Permezz ta’ dan il-programm stajna nġibu flus biex inkunu nistgħu naraw li l-anzjani tagħna se jkunu aktar komdi billi tajnihom ammont ta’ wheelchairs, ammont ta’ sodod fid-djar tal-anzjani u ġewwa San Vinċenz u anke l-persuni b’diżabiltà.”