L-ewwel erba’ abbozzi ta’ liġijiet dwar riformi storiċi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba diġa mxew fl-istadju tat-tieni qari fil-Parlament u mistennija li jiġu approvati qabel mal-Parlament jaġġorna għall-btajjel tas-sajf.
L-abbozzi ta’ liġijiet issa se jiġu dibattuti fil-Parlament.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Gvern ressaq għaxar abbozzi ta’ liġi li permezz tagħhom pajjiżna se jibda jimplimenta l-proposti li ressaq u li ntlaqgħu prattikament kollha mill-Kummissjoni Venezja.
L-ewwel erba’ abbozzi li qed jaħdem biex jgħaddi dan il-Gvern huma dwar il-Ħatra tal-President, il-Ħatra tal-Prim Imħallef u l-Ġudikanti u t-tneħħija tagħhom, u x-xogħol u l-mod kif isiru l-ħatriet fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li l-pakkett totali ta’ liġijiet jirriflettu d-djalogu strutturat li sar bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Venezja.
“Ressaqna l-iktar erba’ li huma rilettivament importanti fejn jidħol il-President ta’ Malta, fejn tidħol dixxiplina, ħatra u tneħħija ta’ xi membru tal-ġudikatura u kummissjoni permanenti ta’ kontra l-korruzjoni.”
Il-Ministru Zammit Lewis spjega li l-proċess parlamentari se jagħti lok għal diskussjoni strutturata fuq dawn is-suġġetti tant importanti għad-demokrazija u t-tisħiħ istituzzjonali.
“Wieħed jibqa’ jilqa’ s-suġġerimenti kemm mill-Oppożizzjoni, kemm mill-pubbliku inġenerali li jista’ jattendi fil-kumitat tal-abbozzi. Il-Gvern jaf x’qed jagħmel u l-abbozzi huma mirquma sew, jirriflettu dak li ftemna mal-Kummissjoni Venezja u se nibqgħu għaddejjin mill-aktar fis possibbli.”