Il-Gvern ġedded ftehim soċjali li diġà kellu ma’ Dar Tereża Spinelli fil-Belt, li toffri wens u kenn lil nisa jew tfajliet li jkunu spiċċaw bla saqaf fuq rashom wara li jkunu għaddew minn vjolenza domestika fost oħrajn.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-ftehim se jassigura għotja ta’ €560,000 lid-dar fit-tliet snin li ġejjin.
Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Suret il-bniedem, li tmexxi l-operat tad-dar, Fr Carmelo Aquilina.
Fr Aquilina spjega kif id-dar tilqa’ mal-15-il mara jew tifla fi ħdanha li jkunu qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli.
“Allura naraw li t-terapija ma tkunx biss materjali, li terġa’ tirpilja l-persuna fil-finanzi, imma anke emozzjonalment. Naraw li l-persuna ngħinuha minn bosta angoli biex timxi aktar ‘il quddiem.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li din is-sena is-somma allokata għall-qasam soċjali telgħet €17-il miljun, meta seba’ snin ilu s-somma kienet dik ta’ €3 miljun.
“Illum qed nitkellmu fuq 48 ftehim u baġit li jgħodd is-€17-il miljun. Huwa fatt li għandek bżonn kooporazzjoni biex il-Gvern joħroġ fondi imma jaħdem ma’ bosta istituzzjonijiet hemm barra biex nilħqu aktar nies u ngħinu aktar nies.”