Il-President George Vella ltaqa’ mar-Rappreżentant Għoli tal-UE Josep Borrell fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.
Dan sabiex jiddiskutu dwar temi li jolqtu fost oħrajn id-diversi sfidi li għandha bħalissa l-Unjoni Ewropea u t-theddidiet għas-sigurtà.
Waqt skambju ta’ ideat dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’mod partikolari l-Libja, il-Lvant tal-Mediterran u l-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani, il-President Vella rrefera wkoll għal-laqgħa li kellu lbieraħ mal-Prim Ministru Libjan Faiez Serraj.
Fil-fatt il-President Vella ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tuża l-irwol influwenti tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti f’dan ir-reġjun u tibqa’ relevanti fl-ambitu internazzjonali.
Dwar l-immigrazzjoni, il-President Vella saħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà ma’ Malta mill-pajjiżi kollha tal-UE, u żied jgħid li l-pajjiżi li jaffaċċjaw dan il-fenomenu m’għandhomx jitħallew iġorru l-piż waħidhom.
Intant Borrell spjega l-kwistjonijiet li bħalissa jinsabu fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew għall-Affarijiet Barranin, li jippresiedi regolarment, u qal li kultant ikun hemm diverġenzi minflok kunsens waqt id-diskussjonijiet.