One.com.mt jista’ jiżvela li fl-erbgħa u għoxrin siegħa li ġejjin, il-grupp parlamentari Nazzjonalista se jkun qed jisfiduċja lil Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
F’laqgħa tal-grupp parlamentari tat-Tlieta, Delia se jkun qed jaffaċċja vot ta’ fiduċja mid-deputati tiegħu wara l-aħħar rapport tat-Times li wera komunikazzjoni kontinwa mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li numru ta’ deputati qed jikkonffofaw ma’ nies b’karigi għoljin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap.
Matul il-jum tat-Tnejn saru numru ta’ laqgħat bi tħejjija għal din il-laqgħa tal-grupp parlamentari meqjusa deċiżiva għal Adrian Delia.
Dawn il-laqgħat saru bejn bosta deputati minn wara dahar il-Kap Adrian Delia u kien hemm uħud li qalulna li din hija azzjoni ċara ta’ tradiment kontra l-Kap.
ONE News jista’ jiżvela wkoll li d-deputati diġà għandhom isem ta’ min jieħu post Adrian Delia u dan huwa wieħed minn fost il-membri parlamentari Nazzjonalisti.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li dan qed isir biex jiġu evitati aktar kumplikazzjonijiet u b’hekk il-magħżul tad-deputati Nazzjonalisti jkun jista’ jsir Kap tal-Oppożizzjoni minnufih.
Adrian Delia huwa wkoll Kap tal-Partit Nazzjonalista magħżul mit-tesserati u hu mifhum li mhux se jkun qed iċedi kif ġib u laħaq.