F’laqgħa mal-Prim Ministru Libjan Fayez Mustafa al-Sarraj fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Malti Robert Abela stqarr li l-viżjoni ta’ pajjiżna hija li jkun hemm aktar ħarsien tal-fruntieri, inqas traffikar uman, inqas attività kriminali u l-iktar importanti inqas telf ta’ ħajjiet.
Il-laqgħa mal-Prim Ministru Libjan immarkat il-bidu ta’ żjara statali f’pajjiżna. Huwa ntlaqa’ mill-Prim Ministru Abela fi Pjazza Kastilja fejn it-tnejn spezzjonaw il-gwardja tal-unur.
Waqt il-laqgħa tagħhom, il-Prim Ministru Malti rringrazzja lill-Gvern Libjan tal-ħidma li qed iwettaq sabiex ikunu protetti u salvati l-ħajjiet fil-Mediterran. Malta kienet għal bosta snin tirċievi numru ta’ immigranti minħabba l-attività kriminali tat-traffikar tal-umani.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li storikament iż-żewġ pajjiżi minn dejjem kellhom relazzjonijiet tajbin ħafna li wasslu għal numru ta’ investimenti f’numru ta’ setturi. Dawn l-investimenti wasslu għal riżultati li minnhom gawdew iż-żewġ pajjiżi.
Semma li l-Libja għandha tkun tal-Libjani u mmexxija minn Libjani u lil-Gvern Malti se jibqa’ jappoġġja lil-Libja u se jkompli jħajjar aktar investiment sabiex ikun hemm aktar għajnuna waqt li l-Libja qed tibni lilha nnifisha. Dan kollu se jassigura aktar paċi u stabilità.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Libjan sostna li ż-żjarat spissi li jsiru f’Malta huma sabiex dejjem ikun hemm aktar konsultazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi dwar diversi temi komuni u ta’ interess.
Saħaq li l-isfidi li hemm fir-reġjun tal-Mediterran iridu jkunu affaċċjati flimkien billi jkun hemm ħidma flimkien anke sabiex ikunu maħluqa opportunitajiet ġodda li minnhom igawdu kemm il-poplu Malti kif ukoll dak Libjan.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/07/06/jinawguraw-centru-ta-kordinament-bejn-malta-u-l-libja-biex-jigi-miggieled-it-traffikar-uman/