Fid-dawl ċar li skariġġ fuq it-Tieqa tad-Dwejra qed jagħmel ħsara lil din l-istruttura, u fid-dawl tal-periklu li hemm, il-Kunsill Lokali San Lawrenz qal li jappoġġja l-istqarrijiet ta’ avviż maħruġa s’issa minn awtoritajiet u għaqdiet differenti.
Il-Kunsill spjega li din il-ġawhra naturali taqa’ fil-konfini tiegħu, u għalhekk appella lill-pubbliku biex iħares dan il-wirt ta’ importanza kbira mill-aspett ambjentali u storiku, issa li huwa ppruvat li b’nies fuqha qed issir hsara li tista’ tkun irreparabbli.
L-Awtorità tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Kumitat tad-Dwejra, l-Assoċjazzjoni għat-turiżmu f’Għawdex u Nature Trust Malta, qed jieħdu passi biex jiżdied l-għarfien dwar il-bżonn li tiġi protetta it-tieqa tad-Dwejra. L-għan ewlieni huwa li l-pubbliku, t-turisti kif ukoll dawk il-Maltin u Għawdxin li jżuru din it-tieqa ma jkomplux jagħmlu aktar ħsara, wara li minkejja t-twissijiet xorta waħda jagħżlu li jimxu fuq din il-ġawra naturali. Dan wara l-appell li għamlet Transport Malta biex dawk li sejrin lejn id-Dwejra bid-dgħajsa jew xi opra tal-baħar jieħdu ħsieb u joqgħodu ‘l bogħod mit-tieqa, hekk kif rapporti riċenti qed jbassru li l-istruttura naturali mill-isbaħ jista’ jkun qiegħda fil-periklu li tikkrolla.