Dawk li l-Ħadd filgħaxija kienu fuq il-bajja tal-Mixquqa f’Għajn Tuffieħa esperjenzaw xi ħaġa differenti minn tas-soltu.
Fekruna komuni tat-tip Carretta Carretta, li hija meqjusa bħala speċi tal-baħar fil-periklu li tgħib mid-dinja u li hija protetta kif ukoll minn leġislazzjonijiet lokali u internazzjonali, dehret tiela’ fuq ix-xtajta u wara li mxiet xi metri biedet numru ta’ bajd.
Is-segretarja ta’ Nature Trust, Angelique Lofaro spjegat li dan il-fenomenu huwa importanti hekk kif għal l-ewwel darba kellna żewġt ifkieren li biedu f’pajjiżna f’sena waħda.
Hija spjegat: “Il-fatt li għandna fkieren li dawn ikunu twieldu Malta, għoxrin, ħamsa u għoxrin sena ilu u qed jirritornaw lura. Dan juri li l-bajjiet tagħna huma nodfa u ideali għalihom biex ikunu jistgħu ibejtu. Li kieku ma tkunx ideali jitilgħu u jerġgħu jinżlu.”
Bl-aħbar tal-bajd tal-fekruna kienu infurmati l-membri ta’ Nature Trust, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Pulizija li mill-ewwel bdew bil-ħidma biex tkun imħarsa ż-żona.
Lofaro spjegat li l-voluntiera kienu fuq il-bajja minuti biss wara li deher filmat juri l-fekruna tiela f’din il-bajja.
Hija spjegat kif il-bejta trid tiġi protetta matul ix-xahrejn li ġejjin biex jekk kollox imur tajjeb il-bajd ifaqqas fil-bidu ta’ Settembru.
Lonfaro sostniet: “Ma ninterferux mal-bejta. Il-bejta tibqa’ fejn sibniha, pero nevitaw ċertu affarjiet li jistgħu jagħmlu ħsara. Pereżempju vibrazzjoni ta’ mużika base li jkun hemm fir-ramel. Dak jagħmel ħsara lil bejta għax dik il-vibrazzjoni taf tnaqqas il-bajd.”