Lejla unika ta’ kant u żfin b’tema Spanjola ser tigi imtella’ nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Settembru fil-ġnien tal-Gardjola, fl-Isla.
Il-post igawdi veduti mill-isbaħ, fejn minn fuq is-swar tal-Gardjola tara il-belt Valletta, il-Port il-Kbir u l-Forti Sant’Anglu.
Din l-attività qed tkun organizzata mill-Fondazzjioni Inspire flimkien mall-klabb tas-Senglea Regatta b’kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Isla. Kull min ser iżur din l-attività ser ikollu l-opportunità li jduq selezzjoni ta’ nbejjed Spanjoli Rioja, Sangria, platti tradizzjonali Spanjoli oħrajn u ma setatx tonqos il-famuża Paella! Rioja huwa reġjun imsemmi għall-inbid, b’marka ta’ kwalifika (DOC). L-inbid minn dan ir-reġjun huwa magħmul minn għeneb miżruh fil-komunitajiet ta’ La Rioja u Navarre kif ukoll Álava.
Varjeta’ ta’ żfin Flamenco imtella’ waqt din il-lejla ser ikun provdut minn Algeria Academia de Baile Flamenco u Campaña Danza. Il-mużika u kant Spanjol ser ikollu spazju wkoll bis-saħħa tat-talent ta’ José Calderon Galvez u l-grupp tiegħu.
Dħul huwa b’xejn u l-bibien ser jinfetħu mis-19:00 ‘l quddiem. Il-Parking ħa jkun aċċessibli f’Boiler Wharf, l-Isla, li jinsab ftit minuti biss ‘il bogħod mill-post tal-attività. Il-qliegħminn din l-attività ser imur għall-Fondazzjoni Inspire.
Inspire hija il-fondazzjoni tal-inklużjoni, li ġiet iffurmata minn żewġ għaqdiet kbar non-governattivi li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità; l-Eden Foundation u r-Razzett tal-Ħbiberija li ngħaqdu biex flimkien jgħinu ‘il fuq minn 1,000 persuna b’diżabilità fiżika u b’diffikultà fit-tagħlim f’ħames ċentri madwar Malta u Għawdex.