Il-Papa Franġisku ħabbar dekasteru ġdid fil-Kurja Rumana bl-iskop li jippromwovi l-Integralità tal-Iżvilupp Uman. Il-Papa Franġisku nnomina bħala Prefett tiegħu lill-Kardinal Peter Turkson, Afrikan, li kien il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi.
Fi żvilupp mingħajr preċedent il-Papa ħabbar ukoll li hu kien se jmexxi s-sezzjoni tal-immigranti u r-refuġjati f’dan l-istess dipartiment ġdid.
Il-Vatikanista, Frank Zammit, spjega kif dan id-dekasteru ġdid, bħal dak tal-Lajċi, l-Familja u l-Ħajja, kien propost mil-Kunsill ta’ disa’ kardinali li qed jgħinuh biex itejjeb l-operat tal-Kurja Rumana.
“Li għadu ma qalx il-Papa dwar dan id-dekasteru ġdid hu jekk ux se jagħtih id-dinjità ta’ kongregazzjoni u s’issa approva l-istatut tiegħu ‘ad experimentum jiġifieri bi prova għal żmien determinat. B’hekk iħalli spazju għal tibdiliet oħra,” spjega Zammit