Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef tefa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista.
Illum fetħu n-nomini għal din il-kariga wara li lbieraħ fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista d-delegati approvaw b’mod unanimu mozzjoni mressqa mill-Eżekuttiv Nazzjonali sabiex jiskatta mekkaniżmu għall-bidla fl-istatut dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
Min jinħatar f’din il-kariga ma jistax ikun membru parlamentari u ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali sa sentejn wara li jirriżenja minn din il-kariga.
Fuq Facebook Il-Perit Daniel Micallef qal li huwa se jkun qiegħed iwieġeb għas-sejħa li saritlu u ssottometta n-nomina tiegħu.
Qal li huwa jħares ‘l quddiem biex FLIMKIEN magħkom nġeddu lill-Partit Laburista, insaħħu l-kunċett ta’ moviment u nfasslu l-futur ta’ pajjiżna.