B’investiment totali ta’ €24 miljun, b’€7,600,000 kofinanzjati minn Fondi Ewropej, se jkun qed jinfetaħ l-ewwel spazju lokali fejn artisti jistgħu jesebixxu l-arti kontemporanja.
Dan l-ispazju, magħruf bħala MICAS għandu kobor ta’ madwar 7,000 metru kwadru, mistenni jinfetaħ fl-2022. Dan se jkun qed jinfetaħ fis-swar mibni fis-seklu 16, dak magħruf bħala l-Ospizio, fl-inħawi tal-Balzunetta ġewwa l-Furjana.
Waqt li żaru l-aħħar xogħlijiet li għaddejjin f’dan is-sit il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura Josè Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qalu kif dan il-proġett qed jagħti ħajja lill-fortifikazzjonijiet li hawn madwar pajjiżna.
Iċ-Chairperson tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li dan il-proġett li huwa legat tal-Valletta 2018 qed iwassal sabiex isir l-ewwel spazju tal-arti kontemporanju.
Hija spjegat: “Dan il-proġett se jkun l-ewwel sit nazzjonali li se joffri estensiv lill-artisti ta’ arti kontemporanja kemm lokali u kemm internazzjonali biex jesebixxu l-arti tagħhom.”
Il-Ministru Herrera qal kif dan il-proġett jinkludi fih ir-restawr ta’ madwar elf metru swar, li se jkunu qegħdin jieħdu l-ħajja b’dan il-proġett tal-ewwel xorta tiegħu f’pajjiżna.
Huwa qal kif il-patrimonju Malti huwa importanti u dan huwa wieħed mill-proġett importanti fil-qasam kulturali li qed isiru f’pajjiżna, fejn hemm is-sehem ta’ diversi entitajiet.
Il-Ministru Herrera sostna:“F’dan il-proġett kien ġie deċiż li minħabba li huwa proġett li jinvolvi miljuni kbar ta’ ewro u kien proġett li ma kienx assenjat lil heritage, saret din l-entità u din l-entità tieħu ħsieb dan il-proġett imbagħad tirrunjah u jkollna purpose għalih.”
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal kif dan huwa proġett ta’ interess kbir, hekk kif qed jiġġenera l-fortifikazzjonijiet iżda se jsir mużew ukoll.
Huwa stqarr: “Huwa proġett li qed iwassal għal riġenerazzjoni li qed iwassal għal kumpless ta’ swar interessanti. Li flimkien mar-restawr li diġà qed isir, dan il-proġett se jtina spazju ieħor fl-infrastruttura kulturali f’pajjiżna.”