Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, 55 ċentru f’Malta u f’Għawdex fetħu l-bibien tagħhom għal kważi 7,850 student għal SkolaSajf. B’aktar minn 1,600 persuna qed jaħdmu f’dawn iċ-ċentri edukattivi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-iskola primarja taż-Żurrieq, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal kif it-tema ta’ din is-sena ta’ SkolaSajf hija “Id-Dinja tiegħi, il-pjaneta tiegħi”. Huwa tenna kif din it-tema se tfakkar lit-tfal dwar is-sħubija tan-natura u sabiex jieħdu ħsieb id-dinja bħala d-dar tagħna.
Il-Ministru Bonnici spjega kif din is-sena, SkolaSajf se tkun qed tiftaħ għall-10 ġimgħat, minflok 8 ġimgħat.
Huwa qal: “Irnexxielna niftħu u qabel is-soltu, jiġifieri ħmistax-il ġurnata qabel, biex issa t-tfal rajthom dalgħodu kulħadd kuntent jidħqu, jifirħu, jiltaqgħu ma’ sħabhom, mat-tfal tagħhom u jerġgħu lura għan-normalità.”
Ic-Chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi Pamela Schembri qalet kif din is-sena SkolaSajf se tkun qed isservi biex terġa’ ddaħħal sens ta’ rutina fl-istudenti, wara tliet xhur mingħajr skola minħabba l-pandemija.
Hija spjegat: “Ġimagħtejn qabel iġibu magħhom iktar prepazzjonijiet. Jiġifieri l-ħidma li jagħmlu n-nies tal-FES kienet waħda enormi. Għalfejn? Għax inti jekk għandek pjan dan ġie mkisser minħabba l-pandemija ovvjament. Imbagħad bdejna ġimagħtejn qabel jiġifieri żammew, anzi ġabu d-differenza.”
ONE News tkellem mal-koordinatriċi f’din l-iskola taż-Żurrieq li fissret kif din is-sena se tkun waħda differenti.
Hija saħqet fuq li tingħata esperjenza edukattiva sabiħa lit-tfal, f’ambjent sigur.
Is-Sinjura Schembri sostniet: “Bħalissa qed naħdmu fuq is-social distancing hija importanti anke fil-klassi t-tfal ma jkollhomx imwejjed ma’ xulxin u jagħmlu s-sanitizer u niħdulhom it-temperatura. U t-tfal qed ngħidulhom iva tistgħu tilagħbu flimkien u nagħmlu group work, però hemm ċertu distanza li trid tinżamm il-ħin kollu fl-iskola.”