Il-ħidma tal-għaqda mhux governattiva Dar Tgħanniqa Ta’ Omm, kienet kruċjali biex ġiet salvata l-ħajja ta’ 24 tarbija li l-ommijiet tagħhom ikkunsidraw l-abort, imma minflok sabu l-għajnuna li kellhom bżonn mill-Fondazzjoni.
Fl-istess waqt, hemm disat itrabi oħra li mistennija jitwieldu fix-xhur li ġejjin.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim ta’ €130,000 fuq 3 snin bejn id-Dar u l-Ministeru għall-Familja biex ikomplu jissaħħu s-servizzi li diġà jingħataw u jiġu salvati aktar ħajjiet.
Dar Tgħanniqa Ta’ Omm toffri mhux biss dar u kenn għall-ommijiet imma wkoll programm t’għajnuna biex meta n-nisa joħorġu mid-dar ikunu mħejjija biżżejjed biex ikomplu bil-ħajja tagħhom u tat-tarbija.
Il-Counsellor Bernice Micallef, li taħdem mill-qrib ħafna mal-ommijiet f’dan il-vjaġġ, spjegat l-isbaħ ħaġa tax-xogħol tagħha: “Xħin tara mother iżżomm it-tarbija tagħha, tħares lejk u tgħidlek x’kont ħa nagħmel, ara x’għandi. Dawk huma l-isbaħ mumenti f’dan ix-xogħol għaliex x’inhu isbaħ milli jkollok dik l-omm li tħaddan it-tarbija tagħha u taraha bħala rigal?”
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Life Network, Miriam Sciberras, saħqet fuq il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni fejn tidħol it-trobbija.
Hija sostniet: “Nippruvaw ngħinuhom isibu x-xogħol, ngħinuhom isibu ċ-childcare, nippruvaw ngħinuhom meta jikru jsibu shared, dawn huma kollha affarijiet li jgħinu lit-tfajliet biex mhux ma jkunux jafu minn fejn se jaqbdu jibdew imma jibdew minn akkumpanjament u ħafna mħabba, jibdew minn ħafna empowerment li inti tagħtihom il-kunfidenza fihom nnifishom li dawn ħadd qatt ma tahilhom.”
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li dan huwa t-48 ftehim li qed isir m’għaqdiet mhux governattivi.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Huwa ta’ pjaċir li wieħed jinnota mhux biss in-numru ta’ agreements imma anki l-budget li fl-aħħar 6 snin tela’ minn 3 miljuni għal 17-il miljun. Id-dover tagħna qiegħed hemm li nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid għas-soċjetà.”