Ġie inawgurat ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar fi Pjazza l-Vittorja, fiz-zuntier tal-Knisja u fi Vjal 8 ta’ Settembru fix-Xagħra.
Matul l-inawgurazzjoni, il-Ministru Refalo esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett ħolistiku li kellu l-għan ewlieni li jtejjeb l-infrastruttura fiċ-ċentru tax-Xagħra kif ukoll għandu jservi biex itejjeb il-prodott turistiku lokali f’din il-lokalità.
Il-proġett kien jikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ Vjal 8 ta’ Settembru, bdil ta’ mains u servizzi tal-ilma, pavimentar tal-porfido fil-pjazza nnifisha, kisi b’asfalt kulur it-terracotta li jikkumplimenta lill-pjazza nnifisha. Barra min hekk, ġie mibni culvert madwar il-pjazza sabiex ikunu jistgħu jitneħħew il-cables li hemm mal-faċċati tal-bini fil-pjazza nnifisha u b’hekk tingħata prominenza lill-faċċati tal-bini.
Saru diversi xogħlijiet anke fuq iz-zuntier tal-knisja. Fost oħrajn, ġiet irranġatata s-sistema tad-dawl li kienet antika, tneħħa s-siment li kien jiksi z-zuntier, liema zuntier issa ġie mibdul u miksi b’madum travertin. Fost affarijiet oħra ġew irrestawrati ż-żewġ statwi fid-daħla kif ukoll il-ballavostri li kienu tas-siment, flimkien mas-soprabank. Il-pilastri li kienu fi stat ħażin ġew maħduma ġodda bil-ġebla Maltija.
Il-Ministru temm jgħid li f’din il-leġislatura l-Gvern ħadem biex Għawdex li qed jikser kull rekord turistiku jkun isbaħ u aħjar. Huwa jemmen bi sħiħ fil-potenzjal ta’ din il-gżira u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex ser jibqa’ jaħdem bi sħiħ biex jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità.