Raġel ta’ 43 sena mill-Ġżira ttieħed l-Isptar Mater Dei wara li nqaleb bit-trailer fil-Marsa.
Il-Pulizija kkonfermat li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa u nofs tal-Ħadd wara nofshinar meta għal xi raġuni t-trakk inqaleb fi Triq it-Tiġrija li tmiss mal-bypass tal-Marsa.
Fuq il-post tal-inċident immedjatment issejħet ambulanza b’tim mediku flimkien ma’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
Parti mit-triq kellha tingħalaq għat-traffiku kawża ta’ dan l-inċident.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.