Kont f’relazzjoni ma’ tfajla, noħroġ ma’ sħabi u ngħix il-ħajja normali ta’ żagħżugħ, iżda dejjem bqajt inħoss xi ħaġa nieqsa f’qalbi.
Dan huwa kliem Jonathan Debattista, Tarxiniż ta’ wieħed u tletin sena li f’nhar l-Imnarja se ikun qed jgħid iva lil Alla.
Wara tmien snin ta’ preparazzjoni u formazzjoni fis-Seminarju ta’ Malta, bid-dilka taż-żejt tal-ordni sagra minn idejn l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, Jonathan se jsir qassis. “Qassis għal dejjem bħal Melkisedek.”
Ma’ dan l-istazzjon, fl-aħħar sigħat tiegħu bħala Djaknu, Jonathan qalilna li f’moħħu dejjem kien iberren biex jibni familja u jibda l-ħajja normali tax-xogħol, iżda Alla ried xi ħaġa oħra minnu.
“Qabel ma dħalt is-seminarju jien għamilt diversi esperjenzi ta’ xogħol, ta’ mħabba f’relazzjoni u jkollok f’moħħok kemm karriera ambizjoni li tilħaq xi ħaġa li jkollok familja… F’qalbek tibqa’ tħoss xi ħaġa, sabiex li tħobb, li jkollok tfajla u familja imma still ikun hemm xi ħaġa fil-ħajja u qalb tiegħek li qisha tkun nieqsa.”
It-Tnejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta ser tkun qed tara żieda ta’ għaxar saċerdoti ġodda fil-familja tal-kleru Malti, b’Jonathan jgħidilna li dan in-numru huwa ferm sabiħ speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli u moderni għall-knisja mondjali.
“Naħseb din l-ordinazzjoni għandha tkun raġġ ta’ tama għall-poplu t’Alla u l-knisja tiegħu. Iġifieri l-fatt li aħna se ningħataw kompletament għall-qadi u s-servizz bħala saċerdoti aħna li m’aħniex differenti mill-poplu t’hemm barra iġifieri jien Jonathan m’għandi xejn differenti minkom.”
Jonathan qalilna li miegħu jsir saċerdot it-Tnejn se jkun hemm eks għalliem tiegħu fil-Liċeo ta’ Kordin, li d-destin reġa’ laqqagħhom b’mod kemmxejn differenti.
“Għada jien u l-għalliem tiegħi illi fil-passat fl-iskola l-Liċeo Kordin u l-għalliem tiegħi kien propju Tony Pace illi ħa jsir saċerdot miegħi kien l-għalliem tiegħi tal-istorja u propju issa l-Mulej għoġbu jlaqqana u ħa niġu ordnati flimkien, l-għalliem u l-istudent.”
Biex fis-sigħat li ġejjin, Jonathan se jkun qed jimla’ l-vojt li kellu f’qalbu.
Wara snin ta’ stennija se jsir saċerdot, qaddej t’alla, u wieħed mir-rgħajja spiritwali mal-merħla t’Alla.