Pajjiżna kiseb riżultati mill-iżjed pożittivi f’għadd ta’ setturi soċjali, bħala parti minn miri għall-iżvilupp sostenibbli mfassla mill-Ġnus Magħquda.
Dan jinkludi titjib għal familji li huma mċaħħda minn affarijiet li għall-maġġoranza huma meqjusa bħala neċessitajiet bażiċi.
Ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Eurostat juri li fl-2013 kien hawn 10% tal-popolazzjoni f’faqar estrem. Ħames snin wara l-persentaġġ niżel għal 3%.
Din id-differenza tikkwantifika għal titjib fil-ħajja ta’ madwar 25,000 u 28,000 persuna, li sa seba’ snin ilu kienu qed jgħixu f’sitwazzjoni ferm agħar milli jinsabu fiha llum.
Aspett ieħor fir-rapport juri tnaqqis fil-persentaġġ tal-popolazzjoni li m’għandhiex riżorsi biex iżżomm id-dar sħuna fix-xhur kesħin. Minn ħamsa u għoxrin fil-mija seba’ snin ilu, niżel għal tmienja fil-mija matul l-elfejn u tmintax. Dan ifisser titjib fil-ħajja ta’ madwar sittin elf persuna.
Dan filwaqt li n-numru ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa naqas minn tmienja punt ħamsa fil-mija fl-elfejn u ħmistax, għal tnejn punt sebgħa fil-mija fl-elfejn u dsatax.
Ir-rata ta’ ċaħda materjali severa għal familja tipika Maltija, ta’ żewġ ġenituri b’tifel jew tifla waħda, hi kwart ta’ dik fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li r-rata naqset bin-nofs għall-pensjonanti, bejn l-2015 u l-2019. L-istess ġara fir-rata osservata fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
Mal-gazzetta Kullħadd, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, spjega kif dan il-Gvern jinċentiva l-bżulija filwaqt li jinkoraġġixxi aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, għax huwa b’hekk li nibnu ekonomija b’saħħitha li tkun kapaċi toħloq miżuri soċjali li jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn.