Id-deċiżjonijiet diffiċli jridu jittieħdu għax huma meħtieġa, biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tkompli tissaħħaħ.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-intervista tal-Ħadd filgħodu mal-ġurnalisti, fejn saħaq li dawn id-deċiżjonijiet se jħallu l-frott ta’ Governanza tajba u ekonomija b’saħħitha.
“Jiena nemmen li l-governanza t-tajba u l-ekonomija huma kumplimentari għal xulxin. Jiġifieri li inti jkollok pajjiż b’bażi b’saħħitha ta’ governanza tajba li ma jeskludix li jkollok ekonomija li timxi ‘l quddiem u qed naraw f’dawn l-aħħar 5, 6 xhur kemm dan huwa minnhu.”
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-proposti tal-Kummissjoni Venezja, il-Prim Ministru qal li kull ma’ baqa’ hu li dawn jiffurmaw parti mil-liġi Maltija.
“Aħna issa lestejna mill-ewwel it-text tal-liġijiet illi se jkunu qed jimplimentaw f’liġi li qbilna dwaru dawk intbagħatu lill-Kummissjoni Venezja biex tikkonferma li l-emendi jikkonformaw mal-opinjoni finali li qbilna dwarha. Immedjatament imbagħad ser inkunu qed inmexxu biex dawk l-abbozzi jiġu intavolati fil-Parlament.”
Dr Abela elenka li wara ġimgħat ta’ ħidma, illum il-ġurnata ntefa’ dawl pożittiv fuq Malta u qed titqies bħala eżempju għal pajjiżi oħra.
“Filli konna ttimbrati b’ċertu lenti u ton negattiv f’daqqa waħda anke l-fora tal-midja internazzjonali qed titkellem b’mod differenti fuq pajjiżna. Filli konna qed niġu kritikati fuq is-saltna tad-dritt u issa qed jgħidu ħarsu lejn Malta.”
Fi tmiem ġimgħa li matulha Malta rat il-ħatra ta’ Kummissarju Ġdid tal-Pulizija, Robert Abela qal li jinsab diżappuntat li l-Oppożizzjoni abdikat minn funzjoni tant importanti ta’ skrutinju.
Għal darb’oħra saħaq li l-Gvern mhux se jindaħal fil-ħidma tal-korp.
“Żgur li l-Gvern mhux se jindaħal fil-ħidma tal-korp, se jinċentiva l-korp biex jagħmel xogħlu u ma jħares lejn uċuħ ħadd u dan qalha b’mod tajjeb ħafna Angelo Gafa.”
Il-Prim Ministru nnota b’dispjaċir li hemm min qed jabbuża mill-privileġġ parlamentari.
“Jiena ngħid li hija għodda tajba li serviet lill-parlament tagħna, fuq kollox aktar milli lill-parlament lid-demokrazija u s-saltna tad-dritt. L-appell tiegħi li nagħmel lil kull Membru Parlamentari hija regola sempliċi dan il-privileġġ nużawh bil-qies u nużawh għall-iskopp intenzjonat tiegħu.”
Robert Abela temm jgħid li l-Gvern irid ikun katalista għall-ħolqien tal-ġid f’pajjiżna.
“Iva, jiena x-xewqa tiegħi għall-poplu tagħna kollu hija li fil-ġranet li ġejjin, fil-ġimgħat li ġejjin jgawdu l-ħajja u l-familji, jaħdmu fin-negozji tagħhom, jaħdmu b’mod b’saħħtu, l-importanza tal-valur tal-familja tagħhom. Dan huwa li jixtiequ n-nies tagħna u l-Gvern irid ikun katalista għal dan kollu filwaqt li jżomm lill-pajjiż miexi b’direzzjoni u viżjoni ċara f’dak li huwa sewwa, valuri li huma b’saħħithom. Fl-aħħar mill-aħħar l-għan prinċipali tagħna jibqa’ l-ħolqien tal-ġid. Kommess li nibqgħu b’ħidma ambizzjuża u li nibqgħu nagħmlu l-ġid għan-nies tagħna.”