“Il-futur tal-bdoti tal-linja nazzjonali tal-ajru huwa f’idejhom.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela b’referenza għall-aħħar żviluppi dwar il-kwistjoni bejn il-unjin tal-bdoti l-ALPA u l-Air Malta.
Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, il-Prim Ministru semma li l- Air Malta mhux se tinjora d-deċiżjoni tal-Qorti li ttieħdet fil-jiem li għaddew dwar it-tkeċċija ta’ disgħa u sittin bdot.
“Illum hemm deċiżjoni tal-Qorti, hemm deċiżjoni tal-Qorti li hija ċara ħafna dwar il-kwistjoni tar-redundancies. Il-kumpanija mhijiex beħsiebha tinjora d-deċiżjoni illi tat il-Qroti fuq dan il-punt. Naturalment il-futur tal-piloti issa huwa f’idejhom stess.”
Robert Abela qal li dak li qed titlob l-ALPA se jġib lill-Air Malta daharha mal-ħajt, proprju fi żmien li din il-kumpanija trid terġa’ taqbad it-triq biex tqum fuq saqajha wara l-pandemija tal-Coronavirus.
“Jekk huma se jkunu qed jagħmlu talbiet li bihom se jkunu qed iġibu l-kumpanija darha mal-ħajt allura fl-aħħar mill-aħħar ma kien se jservi ta’ ġid għal ħadd.”
Il-Prim Ministru appella lill-bdoti biex jifhmu, bħalma fehmu ħaddiema oħra fl-istess kumpanija, li dan mhux żmien mill-isbaħ għall-Air Malta, li għal tliet xhur sħaħ m’operatx.
Min-naħa l-oħra Robert Abela qal li mal-ftuħ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-ewwel ta’ Lulju, saħħet il-poplu Malti u Għawdxi xorta se tibqa’ tingħata prijorità.
“Qed nagħmluha bi prudenza b’miżuri li huma prudenti imma punt ta’ tluq it-turiżmu huwa meħtieġ li jiġi lejn pajjiżna u fl-istess waqt nipproteġu s-saħħa tagħna u kulħadd qed jifhem din l-importanza t-turiżmu huwa kruċjali.”
Il-Prim Ministru semma li l-maġġoranza tan-negozji Maltin u Għawdxin qed jistennew ħerqana għall-ftuħ tal-Ajruport biex ir-rota ekonomika terġa’ tibda ddur, hekk kif it-turiżmu intern mhuwiex biżżejjed għal pajjiż żgħir bħal Malta.
“Qatt daqs illum ma qegħdin jirikonoxxu kemm huwa importanti dan is-settur għal pajjiżna. Minimament għandek terz tal-ekonomija tagħna dipendenti fuqhom b’mod dirett u indirett. L-Għajt tal-lum ta’ ħafna negozji u sidien ta’ ristoranti hija meta ħa jiftaħ l-ajruport.”