120 kumpanija tal-esportazzjoni li huma bbażati f’Malta ser ikunu qed igawdu minn investiment ta’ madwar erba’ mitt elf ewro, dan bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar dan il-Gvern wara l-pandemija.
Bl-iskema TradeMalta Export Response il-Ministeru għall-Ekonomija u Trade Malta se jiżguraw li dawk li jesportaw minn Malta jittaffilhom ftit l-impatt negattiv li kellhom minħabba l-imxija u dawn jerġgħu jqumu fuq saqajjhom.
L-iskema se tipprovdi lill-intrapriżi b’għajnuna biex ikunu jistgħu jinvestu f’reklamar diġitali li jippromwovi l-prodotti u s-servizzi tagħhom b’mod internazzjonali u li jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom f’għodod ta’ reklamar diġitali permezz ta’ korsijiet online. In-negozji jistgħu jibbenefikaw sa għaxar t’elef ewro, b’ħamsin fil-mija tal-ispejjeż eliġibbli.
L-iskema se tipprovdi wkoll lill-intrapriżi b’għajnuna sabiex jieħdu rifużjonijiet tal-ispejjeż eliġibbli relatati ma’ fieri u ma’ esebizzjonijiet li kienu diġà reġistrati ma’ TradeMalta u li kienu kkanċellati minħabba l-pandemija.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schmebri saħaq li din l-iskema se tgħin ukoll lin-negozji biex jimirħu wkoll barra mill-Ewropa.
Huwa sostna: “Hawnekk se nkunu qed ngħinu lin-negozji tagħna li jesperjenzaw permezz ta’ riklamar u taħriġ kif ukoll rifużjoni ta’ spejjeż fuq fieri internazzjonali li jħarsu lil’hinn minn xtutna li jmorru jesperjenzaw swieq oħra internazzjonali mhux biss Ewropej (l-aktar faċli biex tidħol għalihom) imma swieq oħrajn l-Afrika, Afrika-Amerikani, Ażjatiċi li hemmek hemm opportunitajiet kbar u bi ftit għajnuna nistgħu anke grazzi għall-għodod teknoloġiċi li għandna llum jistgħu jesperjenzaw li jkollhom parti minn dak is-suq ukoll.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Trade Malta Anton Buttigieg qal li tħejjiet lista dettaljata ta’ dawk l-intrapriżi li huma eliġibbli biex jibbenefikaw minn din l-iskema. Din il-lista tinkludi, fost l-oħrajn, is-setturi tal-manifattura, informazzjoni u teknoloġija, edukazzjoni u taħriġ, riċerka u żvilupp xjentifiku.
Is-Sur Buttigieg spjega: “Huwa l-aktar żmien opportun biex il-kumpaniji jinvestu f’din it-tip ta’ tekonoloġija u għalhekk qegħdin b’dawn il-miżuri ngħinu lill-kumpaniji Maltin jagħmlu dan il-pass. Mhux biss għax għandna kumpaniji Maltin li diġà qed jagħmlu dan it-tip ta’ advertisment imma qed ngħinuhom ukoll lil dawk il-kumpaniji biex forsi iħarsu lejn swieq ġodda u b’din l-iskema jkunu jistgħu jsibu klijenti ġodda fi swieq li mhumiex qed ibigħu fihom.”