Wayne Grima ħareġ illiberat mill-Qorti tal-Appell wara li kien mixli bil-qtil involontarju ta’ Vinċenza Ellul.
L-anzjana kienet ġarrbet ġrieħi f’rasha u mietet 18-il ġurnata wara li ntlaqtet minn vann li kien qed isuq Grima waqt li kienet qed taqsam it-triq.
Fl-2018 huwa kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġisrati u kien ingħata sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin u kellu l-liċenzja tal-karozza sospiża għal sena.
L-imħallef Giovanni Grixti nnota li l-vittma qassmet Triq Ħaż-Żabbar li tinsab f’Raħal il-Ġdid minn fejn ma kienx hemm zebra crossing jew xi tabella li turi l-limitu tal-veloċità.
Minkejja dan espert tal-Qorti qal li l-brejkiet ma kinux qed jaħdmu kif suppost, xi ħaġa li kienet miċħuda mill-akkużat.
Huwa xehed li kien qed isuq b’veloċita ta’ 35 kilometru fis-siegħa meta l-anzjana ħarġet min wara tal-linja li kienet tinsab wieqfa fil-ġenb tat-triq b’ras baxxuta. Huwa qal li meta induna biha kien tard u hija kompliet għaddejja. Grima instita li li l-vann kien għadda mit-test tal-VRT u ma setax ikun li l-brejkiet kienu diffetużi.
Meta qieset kollox il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-vittma ma tatx kas tat-traffiku u għalhekk illiberat lil Grima minn kull akkuża.
Għall-impuatat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.