L-Air Malta u l-unjin tal-bdoti l-ALPA għadhom għaddejjin b’taħdidiet sabiex l-ALPA taċċetta ftehim dwar paga f’dan iż-żmien ta’ sfida u b’hekk il-linja tal-ajru nazzjonali tkun tista’ tkampa sakemm is-sitwazzjoni internazzjonali tal-linji tal-ajru terġa’ ssib saqajha.
Madanakollu, iż-żewġ partijiet għadhom ma waslux fi qbil.
Il-kumpanija qed tistenna li l-bdoti jaċċettaw sospensjoni temporanja tal-ftehim kollettiv sakemm l-Air Malta tqum fuq saqajha finanzjarjament wara t-telf li sofriet kawża tal-Covid-19.
Fil-ġimgħat li għaddew l-Air Malta kienet kostretta tittermina l-impjieg ta’ 69 bdot, iżda l-ALPA kienet akkwistat mandat ta’ inibizzjoni mill-Qorti sabiex dawn il-bdoti jibqgħu fuq il-kotba tal-kumpanija.
Il-każ bejn l-Air Malta u l-ALPA beda jinstema’ ġimgħa ilu, meta ż-żewġ naħat infurmaw lill-Qorti li l-ftehim bejniethom kien fil-viċin.
L-Imħallef Toni Abela ta liż-żewġ partijiet ċans li jiskadi llum wara nofsinhar.